Fi Spanja, il-Prim Ministru Robert Abela qed jattendi għal laqgħat tal-MED9, li jiġbru flimkien disa’ pajjiżi minn naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea.
Din il-laqgħa qed issir ġimgħa qabel, fi Brussell, jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew. Fi Spanja hemm preżenti wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Din il-laqgħa għandha l-għan li l-mexxejja tal-pajjiżi li jmissu mal-Mediterran jiddiskutu pożizzjonijiet komuni dwar suġġetti li joltquthom bl-istess mod. Fost oħrajn, bħalissa s-settur tal-enerġija qed jibqa’ fuq nett tal-aġenda, tant li din it-tema kienet fost dawk ewlenin hekk kif l-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kbar f’dan is-settur.
Il-gvern Malti, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela, qed jibqa’ jimbotta dwar il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet b’saħħithom li jieħdu ħsieb il-familji u n-negozji.
Fil-fatt din kienet politika li l-gvern Malti ħaddan sa mill-bidu li faqqgħu l-kriżijiet tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna: gwerra li ma setax jonqos li terġa’ tkun fuq l-aġenda tal-mexxejja bil-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali jkunu fost dawk diskussi.
Jirriżulta li tema fuq l-aġenda f’Alicante kienet dik dwar jekk proġetti ta’ enerġija rinnovabbli għandhomx ikollhom proċessi ta’ permessi iktar veloċi. Dan biex l-Unjoni Ewropea tkompli tassigura wkoll is-sigurtà tal-provvista u tnaqqas id-dipendenza fuq forzi esteri.
Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea hija mħassba li s-settur tal-enerġija jista’ anke jaffettwa r-ritmu ekonomiku, u hawn id-diskussjoni daret ukoll fuq kif se tkun sostnuta l-ekonomija.