Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Prim Ministru nnota l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Abela semma żewġ istanzi fejn il-Partit Nazzjonalista messu fetaħ inkjesti dwarhom, inkluż dwar kif hu stess ilu s-snin ma jippreżenta l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu.
Innota li mhux ta’ b’xejn eks deputat Nazzjonalista ried idaħħal il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, iżda l-Gvern GonziPN assolutament irrifjuta li jagħmel dan.
“Liema awditur se jċappas wiċċu u ismu mal-mismanagement li għandkom intom fil-finanzi tagħkom?! Issa ħareġ it-tieni aspett għala wieħed qiegħed jifhem aktar għala l-Partit Nazzjonalista ma jridx jissottometti dawn il-kontijiet. Jiġifieri meta inti tara l-kwistjoni t’ipokrezija li għandek Partit, li ilu 11-il sena fl-Oppożizzjoni, issa li jpinġi lilu nnifsu ta’ kuljum ta’ paladin tas-saltna tad-dritt, imma li ta’ kuljum jagħmel bil-kontra.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma li inkjesta oħra messha ssir lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li għal snin twal ma ħallasx it-taxxa. Imbagħad fil-kampanja biex issir Kap Nazzjonalista kellu kont ta’ €61,000, li qal li l-flus ġabhom mingħand ibnu.
Semma kif ħames snin ilu nfetħet inkjesta maġisterjali kontra l-eks Kap Nazzjonalista, hekk kif ġie allegat li tħallas €50,000 minn Yorgen Fenech biex David Casa ma jiġix elett Membru Parlamentari Ewropew. B’din l-inkjesta għadha lanqas biss ingħalqet wara dan iż-żmien kollu.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma d-differenza kif kien jinħatar ġudikant taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, bil-maqlub tal-proċess metikoluż li hemm bħalissa.
“X’kienu l-kriterji anzi li kienu jużaw? Ħatru Prim Imħallef li kien hu Ministru fil-kabinett; mur ġib tagħmilha llum, Sur President, li Ministru fil-kabinett jaħtar lil ħuh Prim Imħallef u, imbagħad, neputih kien jidher quddiemu u l-Qorti Ewropea qaltilna li f’Malta nagħmlu ‘all in the family jamboree’. B’hekk kienu ġabuna quddiem l-ogħla Qorti Ewropea, jidħku u jiddieħku bina. Il-gwapp ta’ warajh, malli spiċċa minn Prim Imħallef, sar tesserat fil-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista, imbagħad, għażlu Prim Imħallef ieħor warajh u spiċċa sentejn il-ħabs fuq tixħim. Imbagħad ta’ warajh ukoll, tesserat fil-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Semma lill-aħħar Prim Imħallef taħt Gvern Nazzjonalista, Silvio Camilleri, li bħalissa qed jattakka lill-Gvern.
Dr Abela semma lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li t-Tlieta filgħodu attakka din ir-riforma f’kitba ta’ opinjoni fuq it-Times.
“Fuq artiklu ta’ raġel li huwa ‘bitter’ u mhux ta’ b’xejn li anke sħabu l-Ewropej warrbuh, Sur President, reġa’ attakka lill-Korp tal-Pulizija biex idaħħal sfiduċja f’dik il-parti tas-sitt xhur tal-proċess tal-investigazzjoni li titmexxa mill-Korp tal-Pulizija. Jien ngħidlu biss li statistikament hu pprovat kemm il-fiduċja tal-poplu tagħna fil-Korp tal-Pulizija llum hija l-ogħla li qatt kienet f’dan il-pajjiż, anzi ogħla minn dak ta’ istituzzjonijiet oħrajn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Semma kif il-Partit Nazzjonalista u l-fergħa estremista tiegħu qed toħroġ tattakka din ir-riforma. Ma’ Busuttil ingħaqdu l-eks Viċi Prim Ministru Tonio Borg u l-Avukat tal-Kap Nazzjonalista, Edward Debono.
Tul id-dibattitu t-Tlieta waranofsinhar, l-atteġġjament tal-Partit Nazzjonalista kien wieħed arroganti, fosthom mid-Deputat tal-establishment Beppe Fenech Adami.
BEPPE FENECH ADAMI: “Għax hu qed isemmi lill-Kabinett li ħatar dawn l-imħallfin. Dan hu l-istess Kabinett li għamel lil missieru President tar-Repubblika.”
DAVID AGIUS: “Ma kienx point of order.”
Għal xi ħin is-seduta Parlamentari ġiet sospiża.
Meta tħalla jkompli bid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma kif Jason Azzopardi gideb, fost oħrajn, dwar id-Deputat Laburista Carmelo Abela u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spangol.
Hawnhekk Dr Abela semma kif, ftit tal-ġimgħat ilu, meta Carmelo Abela kien qed jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu, Karol Aquilina ddieħaq bih.
Il-Prim Ministru stieden lil Aquilina biex jagħmel apoloġija lil Carmelo Abela.
“Qed nifhem li ħa jibqa’ jippersisti li, sal-lum il-ġurnata, ħa jibqa’ ma jagħmillux apoloġija, imisskom tistħu u minn qalbi ngħidlek li jmissek tistħi. Lanqas għandek l-irġulija li tapoloġizza, lanqas għandek l-irġulija li tapoloġizza.”
Il-Prim Ministru Robert Abela