Waqt il-programm XTRA ta’ nhar it-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif l-establishment tal-Partit Nazzjonalista impona deċiżjoni fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wara li dan mar għand l-istess establishment bin-nomina tal-Gvern għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Min-naħa tiegħu, l-establishment wera lil Bernard Grech min fil-fatt imexxi l-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru reġa’ spjega l-fatti ta’ kif, inizjalment, il-Kap Nazzjonalista wera qbil dwar in-nomina tal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards iżda mbagħad Grech ġie mġiegħel imur lura minn kliemu.
Dr Abela nnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ ma tax raġuni għaliex huwa kontra n-nomina tal-eks Prim Imħallef Azzopardi għall-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. BG
“Bernard Grech sal-lum il-ġurnata ninnota ħaġa waħda biss; illi fuq l-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi ma ressaqx imqar raġuni waħda li hi waħda għala m’għandux ikun hu fil-kariga. U ma jistax iressaq dik ir-raġuni għaliex, għal darba darbtejn, miegħi qabel li għandu jkun l-eks Prim Imħallef fil-kariga ta’ Standards Commissioner u l-eks Imħallef Joe Zammit Mckeon fil-kariga ta’ Ombudsman.”
Fil-programm ma’ Saviour Balzan fuq ix-xandir nazzjonali, il-Prim Ministru fisser il-pass li jmiss quddiem aġir kappriċċuż tal-Kap tal-Oppożizzjoni billi jidħol dak magħruf bħala anti-deadlock mechanism. B’dan il-mekkaniżmu ta’ żblokk, wara żewġ voti biż-żewġ terzi fil-Parlament, it-tielet vot jgħaddi b’maġġoranza sempliċi.
Dan il-mekkaniżmu kien semmih Simon Busuttil stess għal ħatriet differenti, u anki semmietu l-Kummissjoni Venezja.
“U ġaladarba hemm attitudni kappriċċuża min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-għażliet huma tnejn: jew li nħallu s-siġġu ta’ Kummissarju għall-Istandards vojt – u aħna ma nemmnux li dik tkun xi ħaġa tajba, għax nemmnu illi dawk kollha li jaqgħu taħt l-iskrutinju tal-Kummissarju għandhom jiġu skrutinizzati b’mod kostanti – jew illi niżblokkaw dan l-impass u tiżblokka dan il-pass bl-anti-deadlock mechanism.”
Il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar żewġ karigi importanti, jiġifieri l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Huwa tkellem b’mod ċar li huwa għandu fiduċja fiż-żewġ persuni li jokkupaw dawn il-karigi.
F’dan il-kuntest semma l-inkonsistenza anki min-naħa ta’ fazzjoni fi ħdan l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“U fejn tidħol l-inkonsistenza? Din id-darba Repubblika ma qalux, ‘Konna żbaljati illi tlabna għall-impeachment ta’ Nadine Lia’. Ma qalux illi għandu jiġi mpeached l-Imħallef Spiteri Bailey għaliex id-deċiżjoni tiegħu inqalbet mill-Qorti Kostituzzjonali u hekk hu: qatt ma kellha ssir din it-talba, la għall-impeachment tal-Imħallef Spiteri Bailey u lanqas għall-impeachment tal-Maġistrat Nadine Lia.”