Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem f’Summit bejn il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
Dan is-Summit, li sar matul il-jum tat-Tlieta fil-kapitali Albaniża, Tirana, kien l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu li sar f’pajjiż tal-Balkani.
Il-Prim Ministru laqa’ tajjeb il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed talloka biljun ewro biex tilqa’ għall-kriżi tal-enerġija u tgħin fil-qalba nadifa fl-użu tal-enerġija fir-reġjun tal-Balkani.
Dr Abela rrimarka li din l-istrateġija ta’ għajnuna u li tilqa’ għall-impatt ilha tiġi addottata minn pajjiżna mill-bidu tal-gwerra, biex il-familji u n-negozji baqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli tal-enerġija u tal-fjuwil.
“Kemm għamilna tajjeb ħafna li bħala pajjiż illi kemm fil-pandemija kif ukoll meta kellna dawn l-isfidi ġodda fi Frar illi għadda, fejn żammejna policy konsistenti, dik li nibqgħu viċin u nappoġġjaw il-bżonnijiet tan-nies. Ħadna deċiżjoni strateġika, -nista’ ngħid li kienet unika madwar l-Ewropa kollha – fejn żammejna l-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Kien hemm min iddubbita dik id-deċiżjoni. Nemmen illi, ftit ftit, iż-żmien qiegħed jagħtina raġun.”
Il-Prim Ministru sostna li l-politika tal-Gvern kompliet twassal għal stabbiltà ekonomika u soċjali f’pajjiżna, iżda fuq kollox fiduċja minn dawk li qed ikattru l-investiment.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll f’azzjonijiet oħra li l-Unjoni Ewropea qed tieħu biex tilqa’ għall-impatti mill-gwerra fl-Ukrajna, fosthom it-tħejjija favur is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-qbil fuq mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass, li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell f’Ottubru li għadda.
Fuq l-aġenda ta’ dan is-Summit kien hemm ukoll il-migrazzjoni. Il-Prim Ministru sostna li dan il-fenomenu, li qabel kien diskuss biss minn pajjiżi tal-Mediterran, issa jinsab fuq l-aġenda tal-pajjiżi Ewropej kollha.
“Id-diskussjoni dwar il-migrazzjoni, fejn hemmhekk tara fenomenu fejn qabel konna nitkellmu iżjed pajjiżi bħal Malta u l-Italja dwarhom, kull min tkellem madwar il-mejda wkoll illum qajjem dan is-suġġett, anki minħabba r-realtajiet fil-bidu ta’ din is-sena.”
F’indirizz li għamel waqt din il-laqgħa għolja, il-Prim Ministru sostna li l-pajjiżi tal-Balkani qed jaraw il-futur tagħhom bħala membri fl-Unjoni Ewropea u Malta tappoġġja dan fi spirtu ta’ koperazzjoni b’saħħitha favur prosperità u stabbiltà fuq bażi reġjonali li minnha jgawdu l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Waqt dan is-Summit ġie ffirmat ukoll ftehim ta’ tnaqqis fit-tariffi tar-roaming bejn l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
Fuq l-aġenda tal-mexxejja kien hemm ukoll il-gwerra fl-Ukrajna u t-tisħiħ tas-sigurtà fl-Ewropa.