Il-kumpanija Maltija Y&P Cranes gawdiet mill-Growth Scheme u, permezz ta’ investiment ta’ miljun u seba’ mitt elf ewro, investiet f’seba’ krejnijiet ġodda mgħammra bl-aħħar teknoloġija.
Waqt żjara fil-kumpless minn fejn topera l-kumpanija fin-Naxxar, il-Prim Ministru nnota kif, fl-aħħar jiem, ħarġu tliet rapporti li lkoll kemm huma taw ċertifikat b’saħħtu lill-ekonomija Maltija.
Robert Abela qal li dan qiegħed iseħħ minħabba ħidmet l-intrapriżi, li wrew reżiljenza liema bħalha waqt sfidi bla preċedent u issa dawn qed ikomplu jinvestu. Dan ifisser ukoll li qed ikomplu jsaħħu s-settur tax-xogħol.
Il-Prim Ministru osserva li, skont ir-rapporti ta’ Fitch, ta’ Moody’s, u tal-Kummissjoni Ewropea, pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem fit-tkabbir ekonomiku li jimla lil pajjiżna b’kuraġġ. Huwa qal li għad hemm l-isfidi u li l-Gvern se jassigura li jibqa’ ta’ spalla bħalma kien waqt il-pandemija.
Il-kumpanija Y&P Cranes twaqqfet fis-sena 2000 u llum tiffoka fuq il-kirjiet tal-krejnijiet, kif ukoll fuq il-bejgħ u l-manutenzjoni tal-krejnijiet għoljin.
Il-maniġment tal-kumpanija spjega lill-Prim Ministru li l-kumpanija bdiet b’sitt krejnijiet u llum il-ġurnata, li kibret, impurtat iżjed minn 400 krejn u għandha għadd ieħor qawwi ta’ krejnijiet lesti għall-esportazzjoni. Fl-aħħar erba’ snin, din il-kumpanija irduppjat in-numru ta’ ħaddiema li timpjega.
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru nnota wkoll it-taħriġ li jingħata fil-post tan-negozju stess lil ħaddiema bil-għan li jibqgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom u joffru kwalità ta’ xogħol iżjed effiċjenti.
Id-Direttur tal-kumpanija, Raymond Gauci qal li llum il-ġurnata, il-proġetti huma impenjattivi ħafna u li, bl-għajnuna tal-fondi maħruġa mill-iskema, il-kumpanija setgħet tagħmel il-qabża li dejjem xtaqet u tinvesti f’aktar tagħmir ġdid bil-għan li jintlaħqu t-talbiet tal-klijenti.