Fl-attività politika fl-Imqabba, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-politika tal-passat li biha Bernard Grech imexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Dr Abela fakkar li f’pandemija, il-Gvern ta sostenn lill-poplu u dan kompla jurih din il-ġimgħa stess permezz ta’ miżura ta’ sebgħin miljun ewro.
B’differenza, il-Partit Nazzjonalista fi żmien kriżi ekonomika ta l-bozoz fl-istess waqt li żied il-piż tat-taxxi.
Hawnhekk il-Mexxej Laburista għamel distinzjoni ċara bejn il-moviment Laburista u l-politika li huwa ankrat magħha Bernard Grech.
Fakkar x’kien qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-isfida tal-enerġija li qed jaffaċċjaw diversi pajjiżi internazzjonali.
Il-Prim Ministru tenna, “Kien qal, ‘jekk il-prezz tal-enerġija jogħla internazzjonalment allura, ikollu jogħla f’Malta’. Mela hemmhekk għandkom l-ewwel proposta ta’ Bernard Grech, se jgħolli l-kontijiet. Imbagħad tkellem Tonio Fenech li kompla kkonfermalna kemm il-Partit Nazzjonalista għadu ankrat ma’ din il-politika tal-passat u tajjeb li nfakkarkom, Tonio Fenech dak li kien qalilna li l-kontijiet għolja tad-dawl tridu tidrawhom.”
Dr Abela fakkar kif bejn budget u ieħor taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, konna nirċievu kontijiet għoljin.
Il-Mexxej Laburista innota, “Tajjeb li dejjem nibqgħu niftakru, taħt amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista. Bejn budget u ieħor x’konna nirċievu? Xi kont ogħla. Taħt dan il-Gvern bejn budget u ieħor tafu x’nistennew? Xi ċekk ieħor iżjed minn dak li nkunu ħabbarna diġà fil-budget. U hekk għamilna, ċekk ta’ mitt ewro għall-ħaddiema u għall-istudenti tagħna. Ċekk ta’ mitejn ewro għall-pensjonanti u għal dawk bil-benefiċċji soċjali.”
Il-Prim Ministru sostna li l-Partit Laburista għadu fl-aqwa tiegħu u huwa mżejjen bl-enerġija u bl-ideat, u wissa lil dawk li se joħorġu l-forzi biex jippruvaw ikissru l-inizjattiva ta’ dan il-moviment, li se jsibu Partit magħqud u ffukat li jagħmel il-ġid.
Intant, il-Mexxej Laburista rrimarka li l-Oppożizzjoni tonqos li tkun konsistenti wkoll fil-kritika tagħha.
Robert Abela stqarr, “Qalulna ‘tajtu l-loqom’, imbagħad ftit wara qalulna ‘se tfallu l-pajjiż’, mela ddeċiedu jew tajtu l-loqom jew se tfallu l-pajjiż b’li tajtu. U jien ngħidilhom, la tajna l-loqom u lanqas se nfallu l-pajjiż.”
Hawnhekk Dr Abela sostna li l-Oppożizzjoni qatt ma tista’ tifhem il-politika ta’ dan il-moviment għax hemm differenza kbira bejn il-politika li jħaddnu ż-żewġ partiti.
Il-Prim Ministru stqarr li l-Partit Laburista jemmen li l-investiment fin-negozji u l-ħaddiema huwa ż-żejt tal-aqwa magna ekonomika filwaqt li ħaddieħor jgħid li l-investiment fin-nies huwa irresponsabilità u tberbieq ta’ flus.