Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea lid-diplomatiċi kollha Sloveni, li kienu miġbura għal-laqgħa annwali tagħhom f’ Ljubljana.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-immigrazzjoni hija l-aktar għadma iebsa li l-Unjoni Ewropea esperjenzat fl-aħħar snin. Il-Presidenza Maltija hija konxja tan-nuqqas ta’ qbil li jeżisti bejn l-Istati Membri, u qed taħdem biex ikun hemm progress lejn konverġenza.
Huwa ċar li l-ewwel pass huwa li jkunu assigurati l-fruntieri kollha, inkluż dawk marittimi. Għal dan il-għan, waħda mill-prioritajiet għandha tkun li l-ftehim mat-Turkija, li bil-problemi kollha li jġib miegħu kien l-uniku pass li ħalla xi tip ta’ effett, jiġi replikat fiċ-ċentru tal-Mediterran, bir-realtajiet ta’ din iż-żona. Dan imbagħad għandu jiġi akkumpanjat minn qsim effettiv ta’ responsabiltá fost l-Istati Membri.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Sloven, Miro Cerar, qal li pajjiżu jaqbel mall-attitudni pragmatika li qed taddotta Malta, u offra l-appoġġ tiegħu għal din l-aġenda tal-Presidenza.