Fil-marġini tas-summit tal-COP28 f’Dubaj, waqt laqgħa tal-Commonwealth, il-Prim Ministru Robert Abela appella biex il-pajjiżi jingħaqdu flimkien għal futur sostenibbli.
Huwa semma kif pajjiżna, fir-reġjun Mediterranju jesperjenza skarsezza ta’ ilma u semma numru ta’ iniżjattivi li ttieħdu minn pajjiżna biex jegħleb din l-isfida.
Hawnhekk huwa semma kif il-Green Bonds li nħarġu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ta’ €25 miljun, anki permezz ta’ impjant tal-ogħla kwalità ta’ reverse osmosis f’Għawdex u aktar minn 19,000 metru kwadru ta’ solar farms, li jiġġeneraw enerġija rinnovabli.
Dawn il-proġetti se jgħinu biex pajjiżna jilħaq in-newtralità klimatika, fejn se tnaqqas id-dipendenza tal-fossil fuels għall-provvista tal-enerġija.
Il-Prim Ministru nnota li Malta qed taħdem flimkien ma’ gżejjer oħra fir-reġjun Mediterranju. Dan billi ssir konferenza reġjonali mmexxija minn Malta, kemm għall-gżejjer fil-Lvant u l-Punent tal-Mediterran. Il-Prim Ministru tenna li dan jista’ jkun irreplikat ma’ gżejjer fi ħdan il-Commonwealth.
F’din l-attività għolja tal-Commonwealth, Dr Abela semma l-inizjattiva tal-Island for Islands, li pajjiżna beda f’COP26 sentejn ilu. Hawnhekk spjega li s-sena l-oħra, Malta ffirmat ftehim mal-Antigua u Barbuda dwar koperazzjoni biex ikun hemm titjib fl-immaniġġjar tal-ilma.
Il-Prim Ministru indirizza din l-attività wara li s-Sibt, Dr Abela indirizza lil mexxejja dinjin li attendew għall-COP28, fejn appella biex jingħaqdu ħalli jiffaċċjaw it-theddida li qed tikkawża l-isfida tat-tibdil fil-klima.