Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar ir-rekord ekonomiku ta’ pajjiżna meta ltaqa’ mal-London Technology Club u l-Investment Executive Panel f’Londra il-bieraħ.
Il-PM qal li Malta għaddejja minn tkabbir ekonomiku sostnut u dwar pajjiż li mexa minn defiċit strutturali għal surplus għal tliet snin infila. Qal li dan ma sarx b’kumbinazzjoni u minkejja diversi sfidi.
Dr Muscat qal li filwaqt li n-negozji kibru, mill-manifattura għat-turiżmu, Malta kompliet tiddiversifika. Ħolqot niċeċ ġodda, mill-Fintech għall-Blockchain u l-Intelliġenza Artifiċjali, sal-avjazzjoni u l-kannabis mediċinali. Tkellem ukoll dwar l-istrateġiji tal-eSports kif ukoll it-taskforce dwar il-politika spazjali.
Saħaq li iżjed negozju qed ifittxu lil Malta, u li dan ħoloq sfidi fosthom il-ħasil ta’ flus u reati finanzjarji. F’dan ir-rigward Malta qed timplimenta regoli ġodda u ssaħħaħ l-istituzzjonijiet fosthom l-FIAU u l-MFSA.