Il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-importanza tas-sostenn u l-għajnuna mill-Gvernijiet rispettivi Ewropej quddiem l-isfidi li għaddejjin minnhom bħalissa.
Dan waqt li kien qiegħed jindirizza l-Kungress tas-Soċjalisti Ewropej, bit-tema “With Courage For Europe,” f’Berlin.
Il-Prim Ministru Malti kien mistieden mill-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz biex jieħu sehem f’diskussjonijiet ma’ mexxejja Ewropej oħra fosthom mal-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez, il-Prim Ministru tal-Portugal, Antoinio Costa u l-Mexxej tal-Partit Soċjalista Svediż, Magdalena Andersson.
Mistoqsi dwar is-suċċess elettorali tal-Partit Laburista Malti, il-Prim Minsitru tkellem dwar il-prinċipji tal-Partit Laburista li permezz tagħhom qed ipoġġi n-nies l-ewwel.
Dawk ta’ soċjetà ġusta, sostenibbli u sensittiva għar-realtajiet tan-nies.
Fil-fatt, f’kummenti li ta wara dan il-Kungress, il-Prim Ministru Malti tkellem dwar l-importanza li l-mexxejja Ewropej ikunu sensittivi għal dak li bħalissa għaddejjin minnhom il-popli rispettivi tagħhom.
Dan speċjalment fid-dawl tal-pressjonijiet minħabba l-pandemija u fil-preżent bil-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Huwa qal, “Ir-realtajiet ta’ żieda tal-prezzijiet fejn jidħlu l-fjuwils, fejn jidħol id-dawl, fejn jidħol il-prezz tal-ikel, fejn jidħol il-prezz tal-loġistika. Jekk aħna bħala Gvernijiet differenti se ninjoraw dawk ir-realtajiet huwa minn għewl id-dinja li l-popli differenti se jitilfu l-fiduċja fil-Gvernijiet tagħhom.”
Hawnhekk qal li jekk tintilef il-fiduċja tal-popli fil-mexxejja tagħhom jingħata lok biex ikun hemm sentimenti populisti li jerfgħu rashom, kif qiegħed jiġri f’uħud mill-pajjiżi Ewropej fejn in-nies qegħdin iħossuhom waħedhom biex jerfgħu l-piżijiet intortament.
Dr Abela għamel paragun ma’ dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna li huwa l-aktar pajjiż Ewropew li qiegħed joffri għajnuniet biex jgħin lill-familji u n-negozji kemm jista’ jkun mill-pressjonijiet internazzjonali.
Sostna, “F’pajjiżna għalhekk li ħadna dan l-approach konsistenti sa mill-bidu tal-pandemija u li bqajna mexjin bih sal-lum u se nibqgħu mexjin bih għal futur, fejn nappoġġjaw lill-poplu kollu tagħna kemm nistgħu jekk hux fil-ħtiġijiet tal-enerġija, tal-fjuwils, fl-importazzjoni tal-qmugħ, fl-importazzjoni taċ-ċereali, fil-gass ibbottiljat, sabiex nilqgħu kemm nistgħu l-prezz inflazzjonarju, jiġifieri ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u fil-prezzijiet l-oħra kollha anki ta’ materja prima. Kruċjali li nibqgħu nagħmlu dan sakemm il-gwerra u t-tensjonijiet relatati magħha jibqgħu għaddejjin.”
Fid-diskussjonijiet li kellu, il-Prim Ministru spjega wkoll kif l-ambjent irid ikun iċ-ċavetta għall-futur sostenibbli u spjega kif quddiem l-isfida tal-bidla fil-klima Malta lesta li tkun minn ta’ quddiem nett biex tippromwovi id-dekarbonizzazzjoni u diġitalizzazzjoni – żewġ pilastri ewlenin fil-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna.