Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza seminar organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ Ewropea-Amerikana fejn tkellem dwar il-vantaġġi li Malta toffri bħala pajjiż Ewropew fejn teżisti regolamentazzjoni stretta, iżda Gvern u pajjiż li jaġixxi b’aġilità mal-investituri u n-negozji.
Is-seminar li sar fil-bini ta’ New York Times, fi New York, kellu attendenza tajba ħafna u diversi rappreżentanti ta’ negozji kellhom l-opportunità jsiru jafu dwar il-vantaġġi li toffri Malta.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna u l-qasam tax-xogħol li qed jesperjenza rekord ta’ impjiegi. Huwa qal lin-negozji fi New York, li pajjiżna joffri l-aqwa ambjent għan-negozju u semma’ l-eżempju ta’ Crane Currency, il-kumpanija dinjija li tipproduċi flus għal 60 gvern mad-dinja kollha, li se tiftaħ faċilità ta’ $100 miljun f’Malta.
Is-seminar kien ukoll indirizzat miċ-Chairman tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji Maltija, il-Professur Joseph Bannister, li ta espożizzjoni sħiħa tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji f’Malta.