Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza dwar it-tibdil fil-klima, magħrufa bħala l-COP27 fl-Eġittu, il-Prim Ministru Malti Robert Abela saħaq li jridu jiġu implimentati miżuri li tassew jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Dan isir billi tiddaħħal politika fiskali li tinċentiva l-investiment fl-ekonomija diġitali u tinbena politika b’saħħitha favur l-użu ta’ enerġija alternattiva.
“Resolve, climate discipline, and sound fiscal and monetary policies, coupled with investments in digitalisation, robust energy policies, electrification, and renewables will get us where we need to be.”
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li Malta se tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħha għall-Fond Internazzjonali dwar il-Klima.
Dr Abela tkellem dwar kif pajjiżna qed jimplimenta strateġija favur id-dekorbonizzazzjoni, li permezz tagħha sal-2050 se jkollu ekonomija newtrali fejn jidħol l-użu tal-karbonju.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna jibqa’ impenjat sabiex jonora l-Ftehim ta’ Pariġi, sabiex iż-żieda fit-temperatura globali ma tkunx iżjed minn grad u nofs. Malta hija impenjata biex tagħmel il-parti tagħha fil-programm ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea sabiex jonqsu l-emissjonijiet.
Dr Abela fakkar li s-sena li għaddiet, fil-COP26 li kien sar fi Glasgow fl-Iskozja, kien ħabbar l-inizjattiva ‘Island for Islands’, li permezz tagħha pajjiżna qed jgħin Stati membri żgħar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
“Through this initiative, utilising our expertise in water management, we are providing technical assistance to islands like us – for enhanced resource use, greater return on investments, and more resilience to climate induced scarcities.”
Il-Prim Ministru qal li, din is-sena, il-gvern Malti ffoka fuq djalogu mas-settur privat dwar il-qalba ekoloġika.
Dr Abela spjega wkoll li pajjiżna qed jagħti boroż ta’ studju għal studenti minn dawn il-gżejjer biex jistudjaw fl-Universita ta’ Malta dwar temi marbuta mat-tibdil fil-klima.
Il-Prim Ministru qal li Malta qed tgħin pajjiżi oħra li qed jesperjenzaw diżastri naturali. Semma kif pajjiżna għadda assistenza mediċinali lill-Paskistan, pajjiż li riċentament intlaqat minn għargħar qawwi.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-qalba ekoloġika għandha benefiċji komuni, fosthom arja aktar nadifa u provvista tal-ikel għal kulħadd.
Huwa temm jgħid li din il-qalba għandha ssir għan-nies u għall-futur tagħna lkoll.
“Let us lead our generation’s revolution like our forefathers did theirs. The Green Revolution will lead to shared benefits: affordable clean energy, healthy air, and enough food for all. Let us be ambitious! Let us be committed! And let us deliver! For all people! For our future!”