Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura x-xogħol estensiv ta’ restawr u modernizzar ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta. B’dan ix-xogħol estensiv sew kien ilu sar f’dawn l-aħħar għaxar snin.
F’diskors li għamel, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-preservazzjoni tal-wirt storiku f’pajjiżna, speċjalment f’binjiet li għandhom potenzjal kbir fil-Belt Kapitali. Hawnhekk semma fost oħrajn ir-restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru u x-xogħol fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Il-Prim Ministru nnota kif f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Belt qamet fuq saqajha u n-negozji fil-kapitali bdew jieħdu l-ħajja. Dr Abela tenna li llum il-Belt mhux talli rkuprat iżda hi l-mekka tal-attivitajiet kemm kulturali kif ukoll soċjali.
“Illum nemmen li nista’ nitkellmu dwar verament ġawrha, però ġġib magħha wkoll ċertu realtajiet ukoll u nemmen li l-fażi li jmiss issa tat-tkomplija tar-riġenerazzjoni tal-Belt trid tenfasizza fuq ir-residenti tal-lokal, jiġifieri jien mhux se naċċetta sitwazzjoni fejn għandek tant u tant tisħiħ ekonomiku li trasforma ruħu f’tant proġetti sbieħ fil-Belt Valletta, jiġifieri f’binjiet li rrestawrajniha: fil-Palazz tal-Gran Mastru, f’binjiet oħrajn tal-privat. Jiġifieri niftakru kemm ftit ’il bogħod minn hawnhekk, binjiet 11-il sena ilu dilapitati kompletament, qas kont tinzel hawnhekk u llum għandek fost l-isbaħ binjiet ta’ ospitalità, għandek l-isbaħ binjiet riġenerati, l-isbaħ residenzi li ġew irriġenerati.”
Fil-kummenti mal-midja, Dr Abela enfasizza dwar il-bilanċ li għandu jkun hemm.
“Bilanċ bejn il-jeddijiet tar-residenti u jien nemmen ukoll li l-jedd tar-residenti, li jgħixu fid-djarhom hu sagrosant, dak m’hemmx kompromessi miegħu. Imbagħad ukoll il-bilanċ l-ieħor mal-komunità kummerċjali, jiġifieri jekk għandekx lukandiera, isma l-inkonvenjent lilna ma jgħiniex iżda aktar itellifna. Għandek sidien ta’ bars, jiġifieri inti għandek interessi korrispettivi jew kompettitivi ma’ xulxin, li jridu wkoll jifhmu li biex ikun sostenibbli l-operat tagħhom, iridu jirrispettaw lir-residenti. Jien irrid Belt Valletta, mingħajr residenti fiha, assolutament le. Belt hija vibranti għax mimlija bir-residenti. Mela jien irrid inkun resident ġewwa l-Belt li jien komdu ngħix ġo dari u għalhekk dak il-bilanċ. Nemmen ukoll li se jkun bżonn ta’ aktar infurzar biex dak il-bilanċ ikun jista’ jinżamm kif suppost.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo sostna li apparti li Dar il-Mediterran hi ass kulturali u turistiku, f’dawn l-aħħar snin dan il-post nfetaħ għal diversi setturi kulturali u kummerċjali matul is-sena kollha.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Pierre Fenech spjega li diċenju ilu ġew informati li kien hemm strutturi fi stat diżastruż u minhekk beda dan ix-xogħol entensiv. Spjega wkoll kif bil-ħidma kollettiva ġie rreġistrat profitt, sena wara oħra.