Ilbieraħ filgħaxija, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela inawgura wirja bil-minuti antiki tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Dawn il-minuti jirrakkontaw il-perjodu tal-istorja tal-Partit Laburista ta’ bejn 1928 u l-1944.
Dawn il-minuti huma ffirmati mill-pijunieri tal-Partit Laburista u anki ittra sabiex saret l-ewwel festa tal-Jum il-Ħaddiem f’pajjiżna.
Il-Mexxej Laburista Robert Abela qal li hu kburi flimkien man-nies jifforma parti mill-Partit Laburista, moviment li permezz tiegħu tejjeb il-ħajja ta’ tant nies. Dr Abela sostna li minn dejjem il-Partit Laburista ħadem favur il-ġustizzja soċjali.
B’rabta ma’ din il-wirja tnieda ktieb ta’ ‘Bejn l-Erba’ Ħitan tal-Partit Laburista’ ta’ Francis Galea, li ġie ppubblikat mill-SKS.
L-awtur ta’ dan il-ktieb qal li din il-pubblikazzjoni tiri kemm hu miftuħ il-Partit Laburista, hekk kif l-ebda partit qatt ma ppubblika l-minuti tiegħu. Dan apparti li juri kemm dak iż-żmien, il-partit kien għaddej minn żminijiet diffiċli.
Dan il-ktieb se jkun għal bejgħ waqt il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, fl-ewwel ta’ Mejju fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.