Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawguraw il-ftuħ mill-ġdid ta’ Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem Għawdex.
Din it-triq, b’tul ta’ tmien mitt metru u li saret b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro, hija waħda prinċipali f’Għawdex, hekk kif ta’ kuljum jgħaddu minnha għexieren ta’ vetturi minn jew lejn il-vapuri tal-Gozo Channel.
Issa l-Port tal-Imġarr ingħaqad mill-ġdid ma’ Triq iż-Żewwieqa, il-Qala u ma’ Triq Ħamri f’Għajnsielem.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li Għawdex minn dejjem kien ta’ prijorità għal Gvern Laburista, u tenna kif dawn l-investimenti massiċċi li qed isiru f’din il-gżira, qed jagħmlu differenza pożittiva fuq il-familji u n-negozji Għawdxin.
Il-Prim Ministru semma kif dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali f’Għawdex qed isiru id f’id ma’ dawk f’Malta u tenna kif dan il-qasam ngħata spinta ‘l quddiem anke għax fis-snin ta’ qabel kien hawn telqa kbira.
Dr Abela għamel referenza kif Għawdex fl-aħħar snin laqa’ numru kbir ta’ turisti. Huwa saħaq li dan il-Gvern qed jaħseb f’għada, u dan jixhdu l-budget għas-sena d-dieħla.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif dan l-investiment se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja kemm tar-residenti tal-madwar, tal-Għawdxin kif ukoll dawk il-Maltin u turisti li jżuru lil Għawdex ta’ kull ġimgħa.
Qal kif, “Hija waħda minn żewġ connections li hemm għall-port tal-Imġarr, kemm minn Għawdex għall-Port, kif ukoll dawk kollha li jżuru l-Gżira għawdxija sabiex iżuru l-bqija ta’ Għawdex. U għaldaqstant kien investiment importanti ferm, investiment li żgur ser igawdi minnu mhux biss l-għawdxin u r-residenti ta’ din it-triq iżda dawk kollha li jżuru din il-gżira.”
Il-Ministru Camilleri semma kif f’disa’ xhur saru tnejn u għoxrin triq, li jfissru tnejn u ħamsin elf metru kwadru ta’ tarmac u investiment ta’ seba’ miljun u nofs ewro.
Żied jgħid li bħalissa f’din il-gżira għaddejjin tliet proġetti massiċi; il-kostruzzjoni tal-ewwel pixxina, l-iskola Primarja tar-Rabat Għawdex u l-Mużew t’Għawdex b’investiment ta’ tletin miljun ewro.
Dan l-istazzjon tkellem ukoll ma’ wieħed mill-Periti responsabbli minn dawn il-proġett kruċjali. Andrew Ellul fejn spjega x-xogħlijiet maġġuri li saru.
Spjega li, “Din it-triq saru diversi xogħlijiet fosthom servizzi ta’ walk in culvert, servizzi tad-drenaġġ, servizz ta’ stone water culvert, kif ukoll saru diversi retaining walls, biex jilqgħu t-triq u dawn ir-retaining walls ser ikunu wkoll mgħottijin bis-sejjieħ biex jagħtu ambjent rurali lit-triq fejn qiegħda.”
Fost l-oħrajn x-xogħlijiet f’din it-triq, li reġgħet inbniet kompletament mill-ġdid, kienu jinkludu diversi servizzi ġodda ta’ ilma, drenaġġ, elettriku, telekomunikazzjoni, kanali minn fejn jgħaddi l-ilma tax-xita, bankini ġodda, lqugħ ġdid biex tiġi msaħħa t-triq, ħitan tas-sejjieħ u żewġ saffi ta’ asfalt.