Ġie inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u x-xatt tal-Kalkara, biex b’hekk il-familji Maltin u Għawdxin għandhom spazju ieħor miftuħ xi jgawdu fil-qalba tal-komunità b’sittax-il elf u ħames mitt metru kwadru għan-nies.
Dan il-proġett twettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u qed jara żona pedonali ta’ tlett elef metru kwadru fl-istess pjazza, promenade msebbaħ bi street furniture u sistema ta’ dawl aħjar, bandli ġdid u sistema ġodda ta’ servizzi, flimkien ma’ siġar mħawlin li komplew isebbħu d-dehra tal-qalba tal-lokalità.
F’indirizz li għamel waqt l-inawgurazzjoni taż-żona, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif reġgħet inħolqot pjazza li ngħatat lin-nies. Qal li dan kien proġett importanti fost oħrajn kbar li għaddejjin fil-Kottonera li l-Gvern jemmen fil-potenzjal tagħha.
Dr Abela nnota kif din il-parti ta’ Malta qed tiġbed lejha investiment sabiħ bi proġetti ta’ kwalità li jpoġġu lill-familji fil-qalba.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru saħaq fuq il-bilanċ fejn xogħol ta’ riġenerazzjoni ma jfissirx li jinħatt dak tal-imgħoddi, iżda li jiġu ppriservati l-karatteristiċi tipiċi tal-lokalitajiet.
“Semmejt diġà kemm hu ġawhra fil-kullana ta’ proġetti, din il-pjazza, ix-xatt tal-Kalkara. Proġett li, permezz tiegħu, tajna u ħloqna pjazza għan-nies. Ħloqna spazju miftuħ, modern, li hu proġett ieħor għat-tgawdija tal-komunità fiċ-ċentru tal-Kalkara.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tkellem dwar ħemel ta’ proġetti li saru fil-Kottonera, li qed itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità, li saru b’sinerġija bejn entitajiet tal-Gvern u l-kunsilli lokali.
“Huma proġetti li rridu naraw li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna, dak li qed nagħmlu hawnhekk, qed nuru b’mod tanġibbli dak li rridu nfissru. Eżempju ta’ dan hi r-riġenerazzjoni ta’ din il-pjazza, minn post fejn id-dominanza kienet, kulħadd niftakruh bil-vetturi, minflok issa dik id-dominanza, issa qed nagħtu spazju miftuħ ġdid li jgawdu ma’ wliedhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Ministru responsabbli mir-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, qalet li dan hu proġett ewlieni li, permezz tiegħu, il-Kalkara sbieħet, is-servizzi ġew immodernizzati u ngħata spazju li, bih, iċ-ċentru tal-lokalità sar tassew il-qalb tħabbat tal-Kalkara.
Fl-istess inawgurazzjoni tkellmu wkoll is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, u l-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi.
Is-Sindku Aquilina qal li bis-saħħa ta’ dan l-investiment qed inroddu xatt u pjazza mill-isbaħ lura lin-nies. Tenna li dan hu proġett li biddel id-dinamika tal-Kalkara u kompla jgħolli l-valur u l-potenzjal tar-raħal.
Min-naħa tiegħu, Gino Cauchi sostna li l-GHRC hi kburija bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, għax issa l-Kalkara għandha xatt mill-isbaħ li diġà beda jiġbed l-attenzjoni ta’ bosta, kemm jekk huma residenti kif ukoll dawk li jżuruh.