Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, pjazza li hija waħda mill-ikbar spazji pubbliċi fil-gżira Għawdxija.
Din il-pjazza ngħatat dehra ġdida li ħarset il-bżonnijiet ta’ dan ir-raħal biex il-pjazza tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Il-proġett ta’ Pjazza Santa Margertina inkluda bosta xogħlijiet fosthom tibdil fil-pavimentar u l-bankini, u xogħlijiet ta’ rinovar fuq iz-zuntier tal-knisja. B’din ir-riġenerazzjoni, issa l-pjazza kollha għandha bażi tal-konkrit rinfurzata li tiflaħ sew għall-vetturi.
Sadanittant inbnew passaġġi taħt l-art għas-servizzi.
Fil-preżenza ta’ diversi residenti minn Ta’ Sannat, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern qed ikompli jġib bidla pożittiva, inkluż f’Għawdex, fejn qed ikompli jagħti spazji miftuħa lill-komunità.
Hawn kompla jgħid li bir-riġenerazzjoni ta’ din il-Pjazza qed titwettaq wegħda elettorali oħra li qed twassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Il-Prim Ministru feraħ ukoll lill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li b’ħidma konġunta mal-Ministeru t’Għawdex wettqu dan il-proġett ambizzjuż, u ħeġġiġhom ikomplu jaħdmu biex jagħtu aktar ħajja lil din il-Pjazza u jmexxu ’l quddiem l-Istrateġija Reġjonali għall-Iżvilupp t’Għawdex, sabiex il-viżjoni ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi verament issir realtà.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett twettaq b’ħidma kordinata u konġunta bejn il-Ministeru u l-Kunsill Lokali, fejn dan il-misraħ ewlieni, mifrux fuq aktar minn 4,000 metru kwadru, ġie riġenerat u ser jintradd lura lill-komunità Sannatija u lill-poplu Għawdxi.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat Philip Vella qal li dan hu proġett li biddel id-dinamika tas-Sannat u kompla jgħolli l-valur u l-potenzjal ta’ dan ir-raħal Għawdxi.