B’investiment ta’ €5.5 miljun, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tielet fażi tal-proġett li se jwassal għal hub sportiv tal-ogħla livell fil-Marsa li mhux biss se tgawdi minnu l-komunità sportiva, imma wkoll il-pubbliku u s-segwaċi tal-isport f’pajjiżna.
Fix-xhur li għaddew kienu inawgurati diversi proġetti oħrajn, fosthom ir-restorazzjoni tal-binja tal-1903 li hija l-qalba tal-kumpless u l-Istadium tal-atletika.
Il-proġett li ġie inawgurat illum qed jieħu post bini mitluq li kien inbena fl-1990 imma qatt ma kien utilizzat. Bl-investiment li sar, issa l-komunità sportiva ser tgawdi minn sala li tista’ tintuża għal diversi attivitajiet, padiljun modern ta’ 900 metru kwadru għall-Ġinnastika u dixxiplini oħra, li huwa mgħammar b’apparat modern u li jakkomoda wkoll 300 spettatur.
Il-kumpless għandu wkoll sala tal-fitness tal-ogħla livell, uffiċini li se jintużaw kemm minn SportMalta u wkoll minn diversi assoċjazzjonijiet tal-Isport, dressing rooms u faċilitajiet anċillari oħra.
Waqt l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru fakkar kif bħal dan iż-żmien sena, dan il-pajjiż kien fl-aqwa tiegħu jħejji ruħu għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Dr Abela sostna li fil-fatt dan il-legat ma spiċċax maċ-ċerimonja tal-għeluq fuq il-fosos però dan il-Gvern baqa’ u se jibqa’ jinvesti fl-isports.
Il-Prim Ministru spjega li l-viżjoni għal dan is-settur hi li kulħadd ikollu ċans b’xi mod jew ieħor jipprattika xi attività fiżika.
Dr Abela aċċenna għall-fatt li din il-viżjoni tissarraf biss b’ekonomija b’saħħitha li tinvesti fin-nies, bi strateġija, pjan u riżorsi biex dik l-idea fuq karta twassalha għal proġett komplut u Gvern b’rieda b’saħħitha li jwettaq dak li jwiegħed.
Il-Prim Ministru Abela temm jgħid li rridu nkomplu nibnu Malta fejn l-isport mhux biss huwa karriera jew passatemp, imma jibqa’ wkoll sors ta’ kburija, għaqda nazzjonali u ispirazzjoni mhux biss għall-ġenerazzjoniet tal-lum iżda anke għal dawk ta’ għada.
Intant il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar stqarr li dan it-tragward qed isir fl-għaxar snin anniversarju minn meta tnediet SportMalta u minn dakinhar l-isport f’pajjiżna ħa xejra oħra. Huwa tenna li dan il-Gvern għamel l-isport bħala prijorità. Cutajar qal li jinsab ħerqan li x-xogħol fuq dan il-kumpless, li darba kien biss ħolma, issa qed ikompli jsir realtà.
Dan huwa proġett ieħor minn kullana ta’ proġetti ta’ infrastruttura sportiva li qed isiru madwar il-gżejjer, bħala parti minn viżjoni ambizzjuża li qed titwettaq, li qed twassal għal faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd u li permezz tagħhom igawdi kull min b’xi mod jew ieħor jipprattika xi attività fiżika, minn persuni li jagħmlu taħriġ bażiku għall-atleti professjonali li l-isport huwa l-passjoni u l-karriera tagħhom.
Qabel ma kien inawgurat dan iċ-ċentru, saret esebizzjoni mill-Akkademja tal-Programm On The Move.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fejn ta ħarsa lejn il-ħidma li qed issir b’investiment bla preċendent f’dan il-Hub Sportiv, parti minn pjan Nazzjonali għal dan is-settur.