Il-Partit Laburista se jibqa’ jkollu l-kuraġġ li ta’ kuljum jippromwovi l-bidla u r-riformi.
Qal dan il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li inawgura l-wirja storika esklussiva dwar it-twaqqif tal-Partit Laburista bl-isem ta’ ‘Kapitlu Ġdid’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Din l-esebizzjoni tieħu lura lin-nies fuq vjaġġ li jixħet dawl dwar il-bidu storiku tal-partit, pass pass, matul is-snin. F’din il-wirja, wieħed fiha jsib kuntratt, li nstab minn riċerkaturi dan l-aħħar u li jiżvela l-ewwel passi fit-twelid tal-Partit Laburista lura għall-Ottubru tal-elf disa’ mija u għoxrin u kien iffirmat fost oħrajn minn mara, Carmela Bencini.
Din il-wirja storika se tkun il-qofol tal-open day tal-Partit Laburista, li se ssir il-Ħadd, fejn dawk preżenti jistgħu wkoll jiltaqgħu mal-Prim Ministru u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Preżenti għat-tnedija ta’ din il-wirja kien hemm mart il-Prim Ministru Lydia Abela.