Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment multi-miljunarju fil-qasam tal-ospitalità f’Tas-Sliema.
Fil-lukanda l-ġdida ta’ ħames stilel Barceló Fortina Malta, li saret b’investiment ta’ €35 miljun, il-Prim Ministru nnota l-investiment massiċċ mill-privat u fissru bħala ieħor li jagħti valur miżjud għall-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Dr Abela sostna li dan huwa kruċjali biex immorru għall-qabża li jmiss billi nkomplu ntejbu l-kwalità tal-prodott turistiku li joffri pajjiżna.
Il-Prim Ministru tkellem dwar prijoritajiet importanti għas-settur turistiku fosthom l-konnettività, l-indafa u s-sostenibbiltà ambjentali li tkompli turi s-sbuħija ta’ pajjiżna.
Dr Abela qal li direzzjoni importanti li qed jieħu pajjiżna hi marbuta mal-enfasi fuq il-kwalità fis-settur turistiku fi żmien meta din is-sena għandha turi kif in-nefqa tat-turist f’pajjiżna tiżboq dik ta’ qabel il-pandemija.
Tenna li l-għajnuna li biha l-Gvern iwieżen lin-negozji, fosthom dawk fil-qasam tal-ospitalità bl-appoġġ strateġiku fil-qasam tal-enerġija se tibqa’, biex b’hekk dawn jibqa’ jkollhom is-serħan il-moħħ.
Semma wkoll kif l-aħħar rapport tal-aġenzija ta’ kreditu Moody’s innota anki l-irkupru qawwi fit-turiżmu u kif pajjiżna qed ikompli jiddiversifika l-prodott turistiku tiegħu favur is-sostenibbiltà tas-settur u b’investiment f’niċeċ turistiċi ġodda.
“Naturalment, is-settur turistiku juri s-sinerġija li hemm bejn il-Gvern u l-privat u dik il-partnership tant importanti, li l-Gvern jagħti l-viżjoni, jagħti l-inċentivi lis-setturi biex jimraħ ’il quddiem, imma fl-aħħar mill-aħħar, dak huwa l-investiment tal-privat Ii jrid joffri s-settur turistiku, b’sinerġija, naturalment għax għandek postijiet pubbliċi, iż-żamma tal-indafa pubblika li hija waħda wkoll, fejn hemmhekk jidħol direttament il-Gvern. Imma mbagħad meta tara dan l-investimenti, hemm fejn verament irridu ntejbu l-kwalità tal-prodott turisitiku.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Fortina Investments, Edward Zammit Tabona sostna li l-investiment beda ħames snin ilu, ftit qabel il-pandemija.
“L-isfidi li kellna bil-pandemija kienu kbar għax estendew ħafna l-perjodu li kellna nlestu l-proġett ħabba li n-nies ma kinux jafu eżatt x’se jsir, il-kuntratturi on-site ma riedux jaħdmu f’dak il-fora ta’ Covid, x’se jsir u mhux se jsir. Imma bl-għajnuna tal-Gvern ukoll, li kien hemm qed jagħti biex kulħadd jibqa’ għaddej hemmhekk, stajna negħlubhom dawk l-isfidi wkoll.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Fortina Investments, Edward Zammit Tabona
Huwa qal li l-kumpanija qed tħares b’mod ottimist għas-sena d-dieħla.
F’din il-lukanda ta’ ħames stilel u tal-ogħla kwalità hemm mija tlieta u tmenin kamra.
Mal-Maniġer ta’ din il-lukanda tkellimna dwar il-ftehim li kien bejn il-kumpanija Maltija u l-kumpanija internazzjonali.
“Basically, this opportunity, this partnership is something that is giving us a lot of opportunities to expand the brand here in Malta, within the Mediterranean. We are very grateful to Fortina Investments and to the Zammit Tabona family for giving us the opportunity to run the hotel.
Il-Maniġer tal-Lukanda, Koldo Salazar
Preżenti wkoll mal-Prim Ministru għal din l-inawgurazzjoni kien hemm martu Dr Lydia Abela u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.