Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli inawguraw tisbiħ tal-uffiċini tal-Grupp Ozo fiċ-ċentru ta’ negozju tagħhom f’Ħal Qormi b’investiment ta’ żewġ miljun u nofs ewro.
Fl-anniversarju tal-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif ta’ din il-kumpanija, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan l-avveniment bħala wieħed ta’ sodisfazzjon u ottimiżmu għall-futur.
Waqt din iż-żjara ġie spjegat kif fl-aħħar snin Ozo Group kiber b’mod sinifikanti fejn in-negozju nfirex ferm tant li fil-preżent qed iħaddem miegħu tlett elef impjegat fi tmien kumpaniji u f’industriji differenti fosthom fil-qasam tal-ospitalità, ir-riżorsi umani u l-indafa.
Il-Prim Ministru sostna li dan l-investiment mhuwiex biss sinjal qawwi ta’ rieda u determinazzjoni li l-kumpanija trid tikber aktar, iżda wkoll sinjal b’saħħtu ta’ fiduċja fil-pajjiż.
Dr Abela tenna li t-tmexxija tal-Grupp Ozo kienet innovattiva għaliex sabet modi biex il-kumpanija tkompli għaddejja, anke fi żmien ta’ pandemija globali.
Huwa rringrazzja lil bosta kumpaniji f’Malta li baqgħu reżiljenti, anke fi żminijiet diffiċli.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli faħħret il-viżjoni intraprenditorjali tal-kumpanija OZO Group, li waqt li kabbret l-operat tagħha tat importanza wkoll lill-aspett ta’ operat sostenibbli.
Fost oħrajn, il-kumpanija tinsab fi proċess li taqleb il-flotta tal-vetturi tagħha għal karozzi li ma jniġġsux jew iniġġsu anqas.
Il-Ministru Dalli aċċennat għall-fatt li OZO Group hija waħda mill-eluf ta’ kumpaniji li bbenefikaw mill-Covid Wage Supplement.
Intant iċ-Chairman tal-Ozo Group Mario Muscat qal li mingħajr l-impjegati u l-individwi kollha involuti l-ħolma tiegħu ma kinitx isir realtà filwaqt li l-Kap Eżekuttiv Fabio Luca Muscat saħaq li minkejja l-pandemija tal-Covid-19, ġabet magħha diversi sfidi, bl-għajnuna tal-Gvern mhux biss irnexxielhom jissalvagwardjaw kull impjieg, iżda taw aktar minn tliet mija u ħamsin elf siegħa ta’ servizz bla ħlas lil diversi kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern.