Il-Prim ministru Robert Abela inawgura l-investiment tal-Grupp JB f’linja ta’ ħwienet internazzjonali Miniso.
Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ra kif din il-kumpanija, li tħaddem 250 ruħ, se tkun qed iżżid il-ħaddiema fl-operazzjoni kummerċjali kollha tal-grupp.
Il-Prim Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-grupp mhux biess qiegħed ikompli jkabbar u jimraħ fin-negozju tiegħu, iżda se jkompli jżid aktar ħaddiema, filwaqt li qal li huwa kruċjali li f’dan is-settur tar-retail dejjem ikun hemm ħwienet li joffru prodotti ta’ kwalità. Innota li s-sena li għaddiet il-konsum f’Malta laħaq iċ-ċifra rekord ta’ €8 biljun u żied jgħid li mill-2013 ‘l hawn kull jumejn kellna żieda ta’ tliet kumpaniji fil-qasam talwholesale u retail, jiġifieri kuljum inkluż il-Ħdud u festi fetaħ aktar minn ħanut wieħed bħala medja. Il-Prim Ministru temm jgħid li “l-ftuħ tal-lum huwa turija ta’ fiduċja fil-pajjiż. M’għandix dubju li lpajjiż se jkun qed irodd din il-fiduċja f’aktar għajnuna u konsum mill-konsumaturi.”
Min-naħa tiegħu id-Direttur Maniġerjali tal-Grupp JB Chris Sant qal li l-grupp qiegħed jinvesti madwar €5 miljun fi proġetti li hemm ippjanati għaż-żmien li ġej; partikolarment bil-ftuħ ta’ iżjed stabbilimenti madwar il-pajjiż kollu. Qal li dan l-investiment se jsarraf b’mod dirett fir-riżors uman billi jiżdiedu l-impjiegi hekk kif fl-aħħar erba’ snin, il-kumpanija żiedet it-total tal-impjegati tagħha b’70 ruħ.
Huwa ħabbar ukoll li fil-futur qrib, JB Group se żżid 20 persuna oħra b’effett immedjat.
Id-ditta internazzjonali Miniso tispeċjalizza fis-settur tal-wholesale u retail modern li hija tal-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna. Din il-linja famuża ta’ ħwienet Ġappuniżi għandha madwar 3,900 stabbiliment imferrxin mad-dinja kollha u l-pass li jmiss kien il-ftuħ ta’ stabbiliment f’pajjiżna b’għażla mill-isbaħ, unika u moderna għall-konsumatur Malti.