Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment ta’ €2.1 miljun lil grupp Bonnici Brothers, f’makkinarju tal-kostruzzjoni ġdid.
Makkinarju li apparti li ser ikompli jżid l-impjiegi, ser iwassal ukoll għal qabża fil-kwalità tal-materja prima f’pajjiżna.
Dan l-investiment, li parti minnu huwa ffinanzjat minn skema tal-Malta Enterprise b’fondi Ewropej, jagħmel parti minn proġett ta’ investiment akbar ta’ €9 miljun.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment fil-limiti tas-Siġġiewi, il-Prim Ministru Abela qal li minkejja l-isfidi bla preċedent li kellu quddiemu l-pajjiż fl-aħħar xhur, il-Gvern baqa’ xorta waħda kommess li jkun ta’ spalla għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Nemmen bis-sħiħ u għandi fiduċja sħiħa fl-investituri Maltin bħalkom, mill-kbir saż-żgħir li tul is-snin ħtaftu kull opportunità li ġiet quddiemkom, ma bżajtux mill-isfidi u ħloqtu eluf ta’ impjiegi ġodda għall-ħaddiema f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fil-ħidma sfieqa tal-Gvern sabiex fl-aħħar xhur ġew salvati l-impijiegi u tistimula l-ekonomija.
Ħidma li ser tiġi riflessa wkoll fil-Budget li jmiss.
Il-Prim Ministru sostna: “Hekk se nkomplu nagħmlu fil-ġimgħat li ġejjin meta se nkunu qed nippreżentaw il-budget li żgur mhux se jkun budget ta’ awsterità iżda budget ta’ kuraġġ għas-sena d-dieħla li fih se nkunu qed inħabbru l-pjan tagħna fit-tul li jinkludi aktar għajnuna lin negozji u lill-familji tagħna.”
Id-Direttur Maniġerjal ta’ Bonnici Group, is-Sur Gilbert Bonnici qal li dan l-investiment jikkumplimenta l-istrateġija biex ikomplu jwessgħu l-firxa ta’ servizzi li joffru fis-suq lokali.
Huwa żied ukoll ifaħħar lil Malta Enterprise.
Huwa stqarr: “Infaħħar ukoll lill-Malta Enterprise għall-effiċjenza tagħha fit-tħaddim tal-iskemi li għawlina kienu kruċjali biex inkomplu ninvestu f’makkinarju ġdid.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li dan l-investiment huwa wieħed li jinkoraġġixxi din l-industrija sabiex tkompli tiżviluppa u tinvesti f’makkinarju li huwa aktar modern u li anke jnaqqas l-impatt fuq l-ambjent. Huwa sostna li dan l-investiment għandu jservi bħala xprun sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-materja prima f’pajjiżna.