Il-Ħamis filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura Dar San Ġużepp f’Għajnsielem Għawdex. Din id-dar tal-anzjani hi mibnija fuq aktar minn tliet tomniet, bil-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu, jiddeskriviha bħala waħda li toffri kwalità tal-ħajja lill-anzjani Għawdxin.
Id-dar, li bdiet tilqa’ l-ewwel anzjani fil-ġimgħat li għaddew, għandha mal-mija u għoxrin sodda mifruxa fuq erba’ sulari u fil-fatt hi waħda tal-ogħla standards u tinkludi żoni mdaqqsa ta’ spazji miftuħa għat-tgawdija tar-residenti.
Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-post kellu potenzjal għal proġetti varji, iżda l-Gvern għażel li ssir dar għall-anzjani Għawdxin.
Dr Abela dwar dan spjega li l-għażla ma kinitx biss tal-Gvern, iżda tal-Gvern mal-Knisja u mas-settur privat li ssieħeb biex joffri s-servizz. Tenna kif dan il-proġett hu eżempju ċar ta’ kif irridu nwettqu flimkien.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-istrateġija għal Għawdex għall-għaxar snin li ġejjin u kif il-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin kollha hi prijorità ewlenija, inkluż l-anzjani.
Tkellem dwar il-bżonn li l-anzjani jibqgħu attivi, kemm meta jgħixu b’mod indipendenti fil-qalba tal-komunità kif ukoll meta jidħlu f’dar residenzjali. Saħaq li ċ-ċokon ta’ pajjiżna nistgħu nisfruttawh biex dawk l-anzjani li jidħlu f’dar jibqgħu involuti fil-komunità u attivi.
Semma wkoll iċ-ċentri ta’ matul il-jum mifruxin madwar il-gżira, l-Università tat-Tielet Età, iċ-ċentri ta’ matul il-lejl u l-firxa wiesgħa ta’ servizzi offruti fil-qalba tal-komunitajiet Għawdxin. Il-Prim Ministru qal li dawn, flimkien ma’ kliniċi ġodda fil-komunità u bereġ tas-saħħa, qed ikomplu jassiguraw li l-anzjani jgħixu komdi, b’aċċessibilità sħiħa għas-servizzi offruti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, sostna li din hi ġurnata importanti għall-gżira ta’ Għawdex hekk kif, għall-ewwel darba, hawn dar li tixraq lill-anzjani Għawdxin.
Il-Ministru tenna wkoll kif l-apparat f’din id-dar hu tal-ogħla standards u kull parti tagħha kienet iddiżinjata bi skopijiet speċifiċi favur ir-residenti tagħha.
Iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia, sostniet li l-ħsieb wara din il-binja, mibnija bil-ġebla Maltija u disinn rikk, kien li l-anzjani jkollhom l-aqwa kwalità tal-ħajja, bl-aqwa servizzi, f’post trankwill li mhux maqtugħ mil-lokalità.
Qabel l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru u l-Ministru għal Għawdex iltaqgħu mar-residenti u l-ħaddiema tad-dar. Huma kienu akkumpanjati mid-diriġenti ta’ CareMalta li qegħdin joperaw Dar San Ġużepp.