Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mat-tmexxija tal-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCAST, inawguraw binja ġdida fi ħdan dan il-kulleġġ bhala Ċentru tar-Riżorsi.
Din il-binja saret b’investiment ta’ €9.3 miljun u li se tagħti servizz taħt it-titlu ta’ Binja Oliver Friggieri biex tfakkar l-importanza u l-kontribut ta’ dan il-pilastru fil-lettaratura Maltija.
B’kollox din il-binja se tinkludi medda ta’ 7,920 metru kwadru.
Fost l-affarijiet li tinkludi din il-binja hemm żoni ta’ silenzju, awditorju, spazji għall-kollaborazzjoni, study pods, spazju għall-wirjiet.
Dan filwaqt li tinkludi librerija b’fost oħrajn 65,000 pubblikazzjoni.
Din il-binja se tkun waħda wkoll li tagħmel użu effiċjenti u konservazzjoni tal-enerġija u l-ilma.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-edukazzjoni trid tkun il-bażi biex tinbena prosperità ġdida flimkien u b’hekk l-importanza li ninvestu fl-istudenti.
Dan biex anke fil-futur ikollna settur ġodda u b’hekk nikkompetu b’saħħa fihom.
Dr Abela qal li dan l-investiment li wassal għal din il-binja huwa investiment mhux biss infrastrutturali iżda aktar minn hekk investiment dirett fl-istudenti.
“Irduppjajna wkoll l-ispiża kapitali. Id-doppju ta’ dik ta’ €44 miljun li kienet fl-2012, din is-sena se tiżboq it-€93 miljun. Żidna wkoll b’1,914 in-numru ta’ full-timers fl-edukazzjoni pubblika mill-2013 sa llum il-ġurnata jiġifieri kull jumejn żidna edukatur ġdid ma’ dawk li kien hemm. Ir-riżultat pożittiv umbagħad kien dak li żdied bin-nofs il-proporzjon ta’ żgħażagħ li temmew b’suċċess l-edukazzjoni tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST Joachim James Calleja ddeskriva wkoll din il-binja bħala waħda inklussiva għaliex ser ikunu jistgħu jagħmlu użu minnha għaqdiet mhux governattivi.
Spjega wkoll li din il-binja tagħmel parti mill-master plan tal-MCAST li jinkludi l-kostruzzjoni ta’ tliet binjiet fosthom il-Faċilitajiet tal-Bini u l-Kostruzzjoni fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport.
“Naħseb li dawn huma żminijiet sbieħ għall-MCAST għaliex barra din il-binja malli taqsam il-passaġġ se jkun hawn binja oħra li fi żmien sena oħra se tkun qed tospità fiha l-Istitut tal-Informatika u l-Komunikazzjoni. B’hekk se tinħoloq dik li nsejħilha jien il-pjazza tal-MCAST u aħna l-ħolma tagħna hija li naraw din il-pjazza tintuża mill-komunità.”
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttv tal-MCAST, Joachim James Calleja
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima tenna l-importanza ta’ dan l-investiment biex ikompli jkattar edukazzjoni xierqa b’kampus li jħabbatha ma’ dawk globali filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li parti minn dan l-investiment kien ko-finanzjat minn fondi Ewropej u tenna l-importanza ta’ dawn il-fondi, li bil-provi qed narawhom iwasslu għall-proġetti ta’ fejda.