Il-Prim Ministru Robert Abela l-Erbgħa filgħodu kellu taħditiet bilaterali mas-Segretarju tad-Difiża Amerikan Mark T. Esper fil-Berġa ta’ Kastilja.
Matul din il-laqgħa l-Prim Ministru Abela u s-Segretarju tad-Difiża iddiskutew għadd ta’ kwistjonijiet, fosthom ir-relazzjonijiet bilaterali u kif din ir-relazzjoni tista’ tkompli tissaħħaħ.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-isfidi tal-migrazzjoni, kif ukoll, fuq il-koperazzjoni bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Forzi Amerikani.
Fil-laqgħa ħareġ kif il-Forzi Armati tal-Istati Uniti se tipprovdi taħriġ formattiv u tekniku lis-suldati Maltin.
Apparti li jassistu lil Malta fil-militar fejn hemm relazzjonijiet mill-aqwa bejn iż-żewġ naħat, l-Amerikani jassistu ħafna lill-Armata Maltija f’taħriġ professjonali tas-suldati Maltin fl-oqsma kollha, inkluż fit-taqsima għall-operazzjoni speċjali.
Infatti kull sena, il-Forzi Armati ta’ Malta tibgħat numru ta’ uffiċjali u suldati fl-Amerka fejn suldati Maltin jingħataw taħriġ speċjalizzat u uffiċjali Amerikani jiġu jagħtu taħriġ anke f’pajjiżna.
Għal dawn id-diskussjonijiet kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Ritratti: Gareth Degiorgio