Fil-marġini tal-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland.
Fil-laqgħa ġie diskuss il-fatt li Malta ntalbet mill-Commonwealth biex isservi fil-Grupp Ta’ Azzjoni fuq livell ministerjali fi ħdan il-Commonwealth.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna huwa onorat li se jservi b’mod attiv f’dan il-Grupp li għandu jimbotta ‘l quddiem prinċipji demokratiċi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ fis-saltna tad-dritt.
Iż-żewġ naħat tkellmu fuq il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, bil-Prim Ministru Malti jirrimarka fuq l-irwol u l-kontribut li qed tagħti u kommessa li tkompli tagħti Malta biex tappoġġja gżejjer li għadhom qed jiżviluppaw, biex jilqgħu għat-tibdil fil-klima.
Dr Abela qal li Malta se tkompli taqsam prattiċi sostenibbli ma’ dawn il-gżejjer u saħaq li l-Commonwealth hija pjattaforma importanti li fiha pajjiżi żgħar jistgħu jikkumbattu l-bidla fil-klima.
Hawn irrimarka kif pajjiżi żgħar għandhom l-impatti partikolari tagħhom mit-tibdil fil-klima u għalhekk jeħtieġu wkoll soluzzjonijiet speċifiċi.
Fil-laqgħa saret ukoll referenza għat-telfa tal-Maestà tagħha r-Reġina Eliżabetta II u r-rabtiet li kellha ma’ Malta, bl-aħħar żjara tagħha kienet fl-2015.