Qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela żar ir-residenti ta’ Dar San Ġużepp. Din id-Dar tgawdi minn ftehim soċjali mal-Gvern ta’ żewġ miljun ewro biex tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha mar-residenti tfal li jgħixu fi ħdanha ħalli jingħataw l-aħjar ħarsien possibbli.
Bħalissa r-residenza toffri kenn għal ħmistax-il tifel li ta’ kuljum jiġu assistiti b’mod individwali f’dak kollu li jkollhom bżonn, bħal kura tas-saħħa, edukazzjoni, terapija soċjali u psikoloġika.
Waqt iż-żjara l-Prim Ministru rrimarka kif it-tfal kollha f’pajjiżna ħaqqhom li jkollhom storja ta’ suċċess u b’hekk il-Gvern se jkompli jinvesti biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Flimkien mad-Direttur ta’ Dar San Ġużepp, Fr Louis Mallia, il-Prim Ministru żar ukoll l-appartamenti fejn jgħixu t-tfal u spazju fi ħdan ir-residenza li hi attrezzata b’għodda edukattiva għat-tfal.