Is-Sibt filgħaxija l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ltaqa’ man-nies u l-familji fiż-Żebbuġ u l-Għasri.
F’messaġġ li wassal lil dawk preżenti, il-Prim Ministru qal kif fis-26 ta’ Marzu l-poplu għandu għażla bejn il-passat u l-futur.
Il-Prim Ministru qal kif fix-xhur li għaddew, Gvern Laburista mmexxi minnu baqa’ man-nies, salva n-negozji u fuq kollox ipproteġa l-ekonomija Maltija.
Hawnhekk huwa rrefera għall-għajta ta’ Malta Flimkien u qal kif kulħadd għandu jkun ponn wieħed mal-Partit Laburista, li għandu pjan ċar ta’ futur sabiħ għal pajjiżna.
Il-Mexxej Laburista spejga kif kien Gvern Laburista li nvesta kemm felaħ fil-Maltin u l-Għawdxin.
Dwar il-futur u l-Manifest Elettorali, Robert Abela qal kif hawnhekk il-Partit Laburista qed juri ir-ruħ soċjali tiegħu u li jemmen bis-sħiħ fl-ambjent.
Fil-preżenza ta’ bosta pensjonanti, Dr Abela qal kif il-Partit Laburista se jibqa’ jaħdem u jinvesti sabiex dawn jgħixu ħajja aħjar.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kandidati Laburisti għat-tlettax-il distrett.