Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-President-elett tal-Kunsill Ewropew, António Costa, fejn ġew diskussi diversi temi ta’ interessi komuni għal pajjiżna u għall-Unjoni Ewropea.
Dr Abela saħaq dwar il-ħtieġa li nkomplu naħdmu għal Suq Waħdieni li jaħdem għal kulħadd biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. Intqal li hawn għandu jiġi assigurat aċċess ugwali għal kull stat membru u semma oqsma kruċjali, fosthom dawk tal-farmaċewtika u tal-merkanzija.
Semma li pajjiżna hu impattat b’dan u, għalhekk, hu kontra l-politika ta’ “one-size-fits-all”, waqt li f’kuntest ta’ qalbiet diġitali u ambjentali, għandha tkompli l-politika tal-inċentiv biex ikun hemm aktar innovazzjoni u tkabbir ta’ kwalità, fost l-intrapriżi żgħar u medji, li huma s-sinsla tal-ekonomija.
Il-Prim Ministru Malti qajjem ukoll it-tema tal-immigrazzjoni u l-importanza li tkompli l-koperazzjoni ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, b’mod partikolari mal-Libja.
Hu saħaq li, bħala Unjoni Ewropea, iridu jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli biex jiġi assigurat li, waqt li tingħata l-protezzjoni lil min ħaqqu, dawk li ma ħaqqhomx l-ażil jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu b’mod effettiv.
Fil-laqgħa ġew diskussi wkoll il-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, fejn il-Prim Ministru Malti għal darb’oħra saħaq dwar il-paċi.
Matul iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, il-President-elett tal-Kunsill Ewropew Costa żar ukoll, flimkien mal-Prim Ministru, il-mużew il-ġdid tal-MICAS u l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Dr Abela awgura lil Costa għall-ħidma fit-tmexxija tal-Kunsill Ewropew u sostna li jħares ’il quddiem għal koperazzjoni b’saħħitha ħalli l-Kunsill Ewropew ikompli jiffaċilita diskussjonijiet importanti li jolqtu l-ħajja tan-nies u jibqa’ jipprovdi gwida politika effettiva li tindirizza l-isfidi komuni għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna.
António Costa ġie magħżul f’summit tal-Kunsill Ewropew fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda biex ikun is-suċċessur ta’ Charles Michel.
It-terminu ta’ sentejn u nofs ta’ Costa se jibda fl-1 ta’ Diċembru li ġej u hu mistenni jmexxi l-ewwel summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell bejn id-19 u l-20 ta’ Diċembru li ġej.