Bħal snin preċedenti, il-Partit Laburista żamm l-appunt annwali tiegħu mal-komunità Musulmana f’Malta permezz tal-attivita Iftar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar li meta bdiet issir din l-attivita, il-Partit Laburista rċieva ħafna kritika. Madanakollu, irrimarka li ż-żmien tana parir u l-istess Partit kompla juri l-qalb vera Maltija.
Filwaqt li dan il-Gvern huwa konxju tas-sitwazzjoni fil-Libja u l-problemi finanzjarji, il-Prim Ministru Muscat assigura li l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-Iskola Mariam Albatool se tibqa hemm biex l-istess skola tibqa ħajja.
Tkellem dwar kif bdew diskussjonijiet dwar kif l-iskola tkun iktar sostenibbli. Saħaq li din mhix kwistjoni ta’ karita iżda waħda ta’ dritt.
Muscat tenna li ma jridx li l-kommunita Musulmana f’Malta taqta qalbha, hekk kif l-iskola mhux talli mhux se tagħlaq imma saħansitra trid tingħata futur.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista sostna li dan huwa impenn tiegħu, filwaqt li semma kif diġa bdew diskussjonijiet interni fil-kommunita filwaqt li l-Gvern jitfa l-ideat tiegħu, biex flimkien tinħoloq struttura ħalli jkun hemm futur għall-iskola Mariam Albatool.
L-Imam Mohammed Al-Sadi qal li l-Partit Laburista kien minn ta’ quddiem li wera rispett, appoġġ u għarfien lejn il-kommunita Musulmana f’Malta. Dan filwaqt li sostna li l-istess kommunita tagħmel ħilitha biex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni mal-Partit Laburista.
Fakkar li kien taħt Gvern Laburista li nfetħet il-moskea f’pajjiżna, filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru Muscat talli dejjem indirizza l-bżonnijiet tagħhom.
Ma naqasx milli jawguralu biex ikompli jagħmel iktra ġid lil pajjiżna.