F’laqgħa kordjali mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Anton Borg laqa’ b’sodifsazzjon it-tkabbir ekonomiku f’diversi setturi li pajjiżna qed jesperjenza.
Minkejja dawn ir-riżultati huwa saħaq kif il-pajjiż ma jridx jieqaf anke fi sfond li aħna membru tal-Unjoni Ewropea li kapaċi nkunu affetwati minn konsegwenzi vulnerabbli bħar-riżultat elettorali fl-Istati Uniti, Brexit u t-taqlib preżenti fit-Turkija.
Il-President tal-Kamra tal-kummerċ irringrazzja lill-Prim Ministru tal-kollaborazjoni li hemm bħalissa bejn il-Gvern u l-Kamra bi preparazzjoni għal Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Huwa wkoll poġġa rakkomondazzjonijiet għal Baġit li jmiss fosthom li jkun hemm aktar roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll miżuri biex il-pożizzjoni ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ faċilita’ kummerċjali titjieb.
Intant, il-Prim Ministru Joseph Muscat elenka r-riżultati pożittivi li qed jikseb dan il-gvern fosthom it-tnaqqis fil-qgħad u l-fatt li issa Malta fost il-membri tal-Unjoni Ewropea għandha l-akbar rata ta’ xogħol.
Minkejja dawn il-kisbiet, Il-Prim Ministru kompla jgħid kif filwaqt li pajjiżna għandu t-tieni l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-membri tal-Unjoni Ewropea, qegħdin batuti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ flessibilita’ kummerċjali.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif Malta bħalissa għaddejja minn tibdil soċjali meta tqis li 4 minn kull 10 li kienu fuq il-benefiċċji soċjali sa tliet snin ilu issa dawn qed jikkontribwixxu fl-ekonomija tagħna.