Hemm bżonn li t-tkabbir li l-industrija tal-kostruzzjoni rat fl-aħħar snin jitkompla għaliex din timpjega direttament u indirettament tal-inqas 30,000 ruħ. Dan is-sentiment esprimieh il-President tal-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti fl-isfond tal-istudju li sar mill-KPMG, f’laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-preżenza ta’ numru ta’ żviluppaturi oħrajn.
Fi kliem Chetcuti, l-industrija tal-bini erba’ snin ilu kienet “f’xifer l-irdum”, iżda grazzi għal komunikazzjoni tajba u sinerġija mal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, illum hija waħda mill-pilastri ewlenin li ddawwar ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna.
Filwaqt li ppreżenta l-proposti tal-Assoċjazzjoni għas-snin li ġejjin, Chetcuti tenna l-bżonn tal-kontinwità, u x-xewqa li jkomplu mexjin fit-triq li qabdu fl-aħħar snin.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif il-proposti tal-Partit li jmexxi hu huma costed u jaf kif u meta se jkunu implimentati; għaliex ma’ Gvern Laburista – dak li tara, huwa dak li tieħu – tenna l-Prim Ministru.
Irrimarka wkoll li bil-miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin li rriżultaw f’aktar flus fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin, gawdiet l-industrija tal-kostruzzjoni, u hekk għandu ħsieb li jkompli jiġri fil-ħames snin li ġejjin.
Fakkar ukoll fi proposta ewlenija fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista mniedi l-Ġimgħa, li se tara xogħol fuq it-toroq kollha f’Malta u Għawdex. Proposta li se tiswa mitt miljun ewro fis-sena fuq medda ta’ seba’ snin.
U hawnhekk wera impenn mal-kuntratturi sabiex ix-xogħol li tirrikjedi proposta bħal din, jinżamm Malta. Għaliex l-aqwa żmien għal dawk li kellu quddiemu fil-laqgħa, u oħrajn, għadu ġej.