Il-Ħamis waranofsinhar il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela żar iż-żona industrijali f’Bulebel fejn hemmhekk iltaqa’ mal-ħaddiema minn numru ta’ kumpaniji differenti fl-akkwati.
Quddiem dawk li attendew bi ħġarhom sabiex jilqgħu lill-Prim Ministru, Dr Abela rrimarka l-importanza tal-proposti tal-Partit Laburista f’din il-kampajna elettorali li propju ser ikunu qed ikomplu jgħinu lill-ħaddiema u lin-negozji.
Semma fost oħrajn il-proposta li permezz tagħha Gvern Laburista ġdid ser jara li jnaqqas it-taxxa tal-ħaddiema biex b’hekk fis-sena jkunu qed jiġi ffrankati €300 għal kull ħaddiem.
Dr Abela semma wkoll it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa korporattiv minn 35% għal 25% biex ukoll tkompli tgħin lin-negozji.
Dan filwaqt li assigura li għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, Gvern Laburista ġdid ser jassigura li jkompli jingħata ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa u jiġi miżjud ukoll.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fis-sostenn tal-Gvern tul il-pandemija lill-ħaddiema u n-negozji permezz tal-Covid Wage Supplement fost miżuri oħra.
I-Prim Ministru temm jgħid li l-proposti tal-Partit Laburista jistgħu biss jiġu attwati jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja fis-26 ta’ Marzu.
Għalhekk lill-ħaddiema quddiemu Dr Abela appellalhom sabiex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom u jagħżlu l-Partit Laburista għal futur ta’ aktar prosperità għal pajjiżna.