Il-Prim Ministru Robert Abela awgura lid-dilettanti kollha tal-Karnival, li r-renju tiegħu jibda llum.
F’dan it-tmiem il-ġimgħa se niċċelebraw il-Karnival bħal qabel il-pandemija.
Fi Frar li għadda, il-Karnival sar b’mod ridott minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru kiteb li ltaqa’ ma’ bosta dilettanti. Innota kif f’dawn id-dilettanti tispikka l-perseveranza u l-imħabba lejn il-kultura Maltija.
Matul dawn it-tlett ijiem li ġejjin fil-Belt Valletta se jkun hemm diversi sfilati fi Pjazza San Ġorġ, li se jinkludu karrijiet iżgħar mis-soltu, li kien hemm fi Frar li għadda.
Ma’ dawn se jkun hemm ir-Re tal-Karnival u anki l-maskaruni, il-parati, u l-Ballu tal-Karnival. Il-ballu se jsir fi Pjazza Tritoni.
Is-Sibt filgħodu se jsir il-Karnival tat-tfal fi Pjazza San Ġorġ, waqt li s-Sibt u l-Ħadd waranofsinhar se ssir il-Qarċilla fi Pjazza San Ġwann, quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Il-Ġimgħa, is-Sibt, u l-Ħadd filgħaxija se jsir il-ballu tal-Karnival fi Pjazza Tritoni.
Barra l-Karnival ta’ Malta fil-Belt Valletta, se jkun hemm ċelebrazzjonijiet f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna. Fost dawn se jkun hemm dak f’Għawdex, fejn il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet se jkun fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex.