Waqt li l-Erbgħa filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia Abela, żaru liċ-ċkejkna Kate u l-ġenituri tagħha Charmaine u Daniel, tħabbar li l-Gvern se jkun qed jiffinanzja apparat li jippermettilha li tkun tista’ timxi.
Kate issofri minn Tatton Brown Rahman Syndrome, marda rari ħafna li tolqot persuna waħda minn seba’ miljuni fid-dinja. Din taffettwa l-iżvilupp tal-persuna u ġġib magħha diversi sfidi fis-saħħa tal-persuna. Minħabba f’hekk, Kate tirrikjedi terapija ta’ kuljum li tiswa mal-€2,500 fix-xahar.
Minkejja l-età żgħira, Kate kellha titla’ l-Polonja biex tagħmel intervent importanti f’saqajha biex tgħin fl-istabilità tagħha u issa tista’ tqum bil-wieqfa fuq saqajha bl-għajnuna tal-walker.
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru tkellem ma’ Kate u l-familja tagħha u ħabbar li, b’finanzjament mill-Gvern, se tkun qed tintlaħaq is-somma meħtieġa biex jinxtara Robotic Aid Training System (Trexo robotic walker). Dan l-apparat li jiswa mal-€45,000, minħabba t-tekonoloġija avvanzata li fih, jintuża minn tfal madwar id-dinja li jkollhom bżonn assistenza biex jimxu bl-aktar mod verstaili u komdu.
B’messaġġ fuq Facebook, il-familja rringrazzjat ukoll lill-Ministru Byron Camilleri u l-LESA, l-Aġenzija Sapport, Puttinu Cares, il-Malta Community Chest Fund, NGOs u individwi oħrajn, li kienu ta’ appoġġ kontinwu għaċ-ċkejkna Kate.