Illejla l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, fid-dawl ta’ diskussjoni dwar l-Abbozzi li ressaq il-Gvern li se jagħtu l-ogħla protezzjoni lill-ġurnaliżmu Malti.
Fil-laqgħa, l-IĠM wera x-xewqa li ssir konsultazzjoni ulterjuri fuq l-Abbozzi mressqa.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru bagħat ittra liċ-Chairman tal-Kumitat ta’ Esperti dwar is-settur tal-midja u sostna li huwa ma jsibx oġġezzjoni għal konsultazzjoni ulterjuri u li jintbagħat rapport aġġornat mill-Kumitat jekk ikun il-każ.
Il-Prim Ministru qal li dan isir dejjem jekk il-Kumitat ippresedut mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, ma jsibx oġġezzjoni.
Sadanittant l-Abbozzi mressqa mill-Gvern jibqgħu fl-istadju tal-ewwel qari tal-proċess parlamentari.