Il-Prim Ministru Robert Abela kkundanna d-deċiżjoni tal-BCRS, li hi responsabbli għall-iskema nazzjonali tar-riċiklar tal-fliexken, li żżid it-tariffi mis-Sibt li ġej billi qal li din għandha ttejjeb is-servizz u l-effiċjenza, minflok.
F’kummenti lit-Times l-Erbgħa filgħaxija, wara li sar magħruf li l-operatur kien se jżid b’mod drastiku t-tariffi tiegħu lill-importaturi u produtturi lokali tax-xarbiet ibbottiljati, il-Prim Ministru kien ċar.
“Nistenna li jtejbu l-effiċjenza tagħhom, mhux jitolbu għal tariffi ogħla. Jekk jippersitu f’din id-direzzjoni u jekk twassal għal żieda fil-prezzijiet, serraħ rasek li jien se nkun fuq in-naħa tan-nies.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dr Abela qal li l-Gvern diġà kellu numru ta’ laqgħat mal-konsorzju, li jmexxi s-sistema, dwar il-problemi fis-servizz mogħti, li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom fis-sistema ta’ riċiklar, u ngħataw numru ta’ possibbiltajiet li jistgħu jsiru, iżda għad ma kienx hemm ftehim.
Il-BCRS, li hu magħmul mill-akbar produtturi fil-pajjiż, waħħal fi spejjeż amministrattivi għad-deċiżjoni taż-żidiet fit-tariffi.
Minkejja dan, il-Prim Ministru, filwaqt li reġa’ fakkar li l-Gvern ma żied l-ebda taxxa, attakka tali argumentazzjoni tal-operatur.
“Is-sostenibilità li tfisser għalihom forsi li mhumiex jagħmlu biżżejjed profitti, daqskemm antiċipaw, għax in-nies qed jagħmlu dmirhom. In-nies qed jimxu mal-obbligi ambjentali u qed jirriċiklaw. Dan ifisser li forsi l-profitti tagħhom naqsu.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Waqt li rrimarka li s-sistema, li ġiet introdotta f’pajjiżna fl-aħħar snin, hi waħda tajba, din se tkun obbligatorja għall-Unjoni Ewropea kollha sa erba’ snin oħra.
Aqra Iktar: