Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ffirma l-ktieb tal-kondoljanzi fid-Dar Ċentrali b’rabta mal-mewt tal-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder.
Il-Ħamis waranofsinhar, il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn martu Lydia u membri mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, fosthom id-Deputati Mexxejja attwali Chris Fearne u Daniel Micallef, il-President Ramona Attard, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay u s-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali Catherine Fenech.
Karl Gouder, li kien jokkupa l-kariga ta’ Kap Uffiċjal tal-Operazzjonijiet tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista, ħalla din id-dinja fl-età ta’ 45 sena, nhar it-Tlieta li għadda.
Id-delegazzjoni mill-Partit Laburista ġiet milqugħa mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, il-Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
Sadanittant, tħabbar li l-aħħar tislima lil Karl Gouder se tingħata nhar is-Sibt li ġej fil-11am fil-Knisja ta’ San Ġiljan.