Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’isem il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea ħa sehem fis-Summit Soċjali tar-Rebbiegħa fejn is-sħab soċjali Ewropej iddiskutew il-futur tal-Ewropa bit-tema: “Il-Futur tal-Ewropa b’miżuri għal tkabbir ekonomiku, ħolqien tal-impjiegi u inklużjoni soċjali.“
Il-Prim Ministru qal li l-futur tal-Ewropa għandu jkun imsejjes fuq drittijiet soċjali permezz tal-proposti dwar il-European Pillar for Social Rights. Huwa sostna li l-Ewropa għandha toffri protezzjoni iżda din m’għandhiex taqa’ fi protezzjoniżmu.
Joseph Muscat qal li t-tkabbir ekonomiku u iktar xogħol jistgħu jinkisbu biss b’deċiżjonijiet qawwija bħal tnaqqis tat-taxxi, żieda fl-investiment, tnaqqis tal-burokrazija u billi l-industrija tkun iktar kompetittiva. “Id-dimensjoni soċjali għandha timxi id f’id mat-tkabbir tal-ekonomija,” qal il-Prim Ministru.
Huwa sostna li d-djalogu soċjali huwa kruċjali għas-suċċess ekonomiku u r-riformi soċjali. L-involviment tal-isħab soċjali fil-proċess jassigura li l-interessi ta’ kulħadd jiġu kkunsidrati.
Wieħed mis-suġġetti ewlenin ta’ dan is-Summit Soċjali kien il-promozzjoni ta’ kunċetti making work pay bħala mod kif jiżdied ix-xogħol, l-inklużjoni soċjali u allura għal drittijiet soċjali aħjar.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo wkoll indirizza dan is-summit. Huwa qal li l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea miexja ’il quddiem imma ma tistax tkun kompjaċenti. F’Malta ttieħdu deċiżjonijiet prammatiċi li għenu s-suq tax-xogħol bħal childcare b’xejn għal kulħadd, il-work benefits u tapering ta’ benefiċċji soċjali. Il-Ministru Bartolo qal li jonqos sfidi li l-Ewropa kollha għandha taħdem fuqhom b’mod partikolari fl-iskills gap. Huwa spjega li l-Ewropa qed timxi ’il quddiem u tinvesti ħafna fl-infrastruttura fiżika bħal toroq, bini u pontijiet. Imma jekk ma ninvestux fil-ħiliet, inkunu qisna qed ninvestu fil-hardware tal-ekonomija, imma mhux fis-software tagħha.
Is-Summit Soċjali magħruf bħala Tripartite Social Summit huwa forum ta’ djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej f’livell ta’ Presidenti u Sħab Soċjali mill-Ewropa kollha. Dan isir darbtejn fis-sena. Is-Summit ikun ippresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kap tal-Gvern tal-pajjiż li jkollu l-Presidenza, f’dan il-każ hija Malta.
Dan is-summit ġie indirizzat ukoll mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija Anton Borg, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u d-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joseph Farrugia.
Qabel beda s-Summit Soċjali l-Prim Ministru Malti, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u l-President tal-Kunsill Ewropew ippresiedew ftehim bejn l-isħab soċjali Ewropej dwar l-Anzjanità Attiva u Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.