Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fi triqtu lejn l-Awstralja fejn fil-jiem li ġejjin se jkollu numru ta’ impenji fi bliet differenti.
F’Melbourne, il-Prim Ministru se jkollu taħditiet ma’ għaqdiet ewlenin tan-negozju u tal-kummerċ Awstraljan bil-għan li pajjiżna jkompli jattira iktar investiment u impjiegi ġodda.
Fi Brisbane, Dr Muscat se jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tal-istat ta’ Queensland u se jieħu sehem f’forum tal-Commonwealth dwar l-innovazzjoni.
Bħala ċ-chair-in-office tal-Commonwealth, il-Prim Ministru se jattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth u se jżur il-kontinġent Malti li se jirrappreżenta lil pajjiżna f’dawn il-kompetizzjonijiet.
Dr Muscat se jiltaqa’ wkoll ma’ komunitajiet Maltin differenti fl-Awstralja.
Matul dawn l-impenji, il-Prim Ministru se jkun akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima.