“Malta għandha tkun ċentru għall-innovazzjoni fis-settur tat-teknoloġija marbuta mal-aspett mediku biex igawdu n-nies fil-komunità u l-industrija nnifisha.”
Dan saħqu l-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif indirizza The Malta Med-Tech World Summit, li laqqa’ bosta investituri u kapijiet eżekuttivi ta’ kumpaniji tat-teknoloħija fil-qasam mediku.
Il-Prim Ministru nnota li pajjiżna għandu bażi soda f’dan l-aspett permezz ta’ investiment kontinwu fil-qasam tas-saħħa u l-infrastruttura teknoloġika ta’ servizz mill-aqwa għall-pazjenti.
Dr Abela stqarr li s-settur tal-Med-Tech huwa niċċa ekonomika oħra f’pajjiżna. Dan is-settur huwa eżempju ċar tal-qalba diġitali li bħalissa għaddej minnha pajjiżna, u li fil-qasam tas-saħħa qed tkun imsejħa bħala eHealth, b’servizzi diġitali li jkunu marbuta mas-saħħa.
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna jilqa’ investituri b’kumpaniji speċjalizzati u innovattivi li bis-servizz tagħhom anki jagħtu l-aqwa kwalità tal-ħajja liċ-ċittadini.
Abela nnota li dan jgħaqqad mal-fatt li għall-Gvern, il-kura tas-saħħa mhux privileġġ iżda dritt garantit għal kull ċittadin. Il-Prim Ministru stqarr li għal din ir-raġuni se jibqa’ jsir investiment biex tingħata l-aqwa kura ta’ kwalità għan-nies. Huwa qal ukoll li dan is-settur iservi ta’ opportunità għal min qed ifittex karriera ta’ kwalità u għall-pazjent li jagħmel użu minn dawn is-servizzi.
Huwa f’dan il-kuntest li l-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li Malta trid tkun fuq quddiem fl-innovazzjoni marbut anki mas-settur mediku. Il-Prim Ministru nnota li f’pajjiżna dan diġà qed iseħħ anki permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-farmaċewtika u fis-sistema tar-robotika f’operazzjonijiet li qed isiru fl-Isptar Mater Dei.