Waqt l-attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar riforma li se tkun waħda mill-akbar miżuri ambjentali fl-aħħar snin.
Il-Prim Ministru qal li, fil-jiem li ġejjin, fil-Parlament se jitressaq l-ewwel qari ta’ emendi legali li jassiguraw l-art agrikola.
Robert Abela spjega li l-principji ta’ din ir-riforma huma li, bil-ħarsien tar-raba’, se tiġi garantita mhux biss is-sostenibbiltà tal-biedja iżda wkoll dik tal-produzzjoni tal-ikel filwaqt li jitħares l-ambjent rurali.
Dan apparti li se jingħata dħul aħjar lil sid l-art permezz ta’ miżura kuraġġuża bħal dik li twettqet diġà minn Gvern Laburista fir-riforma fil-liġi tal-kera.
Fuq kollox, din ir-riforma se tagħti serħan il-moħħ ukoll lill-bdiewa Maltin u Għawdxin.
“Se jkollna l-ewwel waħda li tikkonċerna l-protezzjoni tal-bidwi, li se jingħata serħan il-moħħ illi ma jistax jiġi żgumbrat mill-għalqa tiegħu, u hemmekk se nkunu qed nolqtu l-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel. It-tieni waħda, is-serħan il-moħħ tas-sid.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dan kollu se jsir id f’id mal-pubblikazzjoni ta’ White Paper li tħares ’il quddiem fir-riforma tas-settur agrikolu.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jieħu deċiżjoni li tħares ir-raba’, l-għelieqi, u l-għajxien tal-bdiewa.
Intant, il-Prim Ministru rriafferma wkoll li l-Gvern se jerġa’ jżid il-pensjoni għall-anzjani għat-tmien sena konsekuttiva.
Ftit ġimgħat qabel jinqara u jiġi ppreżentat il-Baġit għas-sena d-dieħla, Robert Abela qal li dan se jkun mibni fuq il-prinċipji tas-sostenibbiltà u tal-istabbiltà. Huwa għamel aċċenn għal kif il-Gvern se jibqa’ jibni fuq il-miżuri li diġà ġew implimentati u jkompli jwettaq aktar riformi.
“Dawk il-miżuri kollha li daħħalna mill-2013 ’il quddiem mhux talli nżommuhom kollha imma talli nibnu fuqhom. Ara qattx, mill-2013 sal-lum, qattx daħħalna miżura li għidna li ma nistgħux insostnuha aktar. Ara qattx ukoll kien hemm miżuri li daħħalnihom u mhux se nżidu iżjed fuqhom. Flimkien mas-sostenibbiltà u l-istabbilta t-tielet punt li se nenfasizza fuqu huwa l-kontinwazzjoni tar-riformi, tal-bidliet li semmejna fil-Manifest ‘Malta Flimkien’.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru għamel referenza għal numru ta’ riformi u għal dak li tħabbar din il-ġimgħa biex jissaħħaħ l-irwol tal-midja f’pajjiżna.
Ma naqasx milli jsemmi miżura ewlenija li tħabbret fil-Baġit għal din is-sena u li daħlet fis-seħħ fl-ewwel ta’ Ottubru: dik tat-trasport pubbliku ’xejn għal kulħadd.
Huwa rrimarka li din hija miżura soċjali u ta’ sostenn, li se tħalli mijiet ta’ ewro fis-sena fil-bwiet tan-nies.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista temm id-diskors tiegħu billi semma l-għaqda li tikkaratterizza l-Partit Laburista u kif Tim Malta għadu ħaj u b’saħħtu aktar minn qatt qabel.
“In-nies se jibqgħu fiċ-ċentru tal-proġett tagħna. Tim Malta qatt ma kien b’saħħtu daqs kemm huwa llum. Tim Malta li qatt ma kien ħaj daqs illum u Tim Malta li lest jibqa’ jieħdu d-deċiżjonijiet kollha biex, flimkien, jibqa’ jmexxi l-pajjiż ’il quddiem.”
il-Prim Ministru Robert Abela