Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar riforma fil-mod ta’ kif se jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, biex issa l-proċess se jkun aktar miftuħ u trasparenti u jirrispetta wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru spjega li l-ħatra se ssir permezz ta’ ħatra pubblika, li fi kliemu hija riflessjoni tat-trasparenza li jemmen fiha l-Gvern immexxi minnu u li huwa xieraq għaż-żminijiet tal-lum.
“Jibda bil-prinċipju bażiku li jien ma rajtu mkien fl-abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni, stabbilit mill-Venice Commission. Dak ta’ kompetizzjoni pubblika li mhux se tkun waħda interna fil-Korp tal-Pulizija imma pubblika. Dan il-punt tant kruċjali huwa nieqes mill-proposta tal-Oppożizzjoni li jfisser li persuni li jistgħu japplikaw se tkun permezz ta’ sejħa pubblika”.
Dr Abela spjega li s-sejħa pubblika se titmexxa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li l-membri tagħha huma maqbula bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Din se żżid l-iskrutinju li jsir minn istituzzjonijiet indipendenti.
Spjega li wara li tagħlaq is-sejħa pubblika u l-Kummissjoni tagħmel l-istudju meħtieġ fuq l-applikazzjonijiet, din se tagħżel l-aktar żewġ kandidati indikati biex jokkupaw din il-kariga li wara se jkunu riferuti lill-Prim Ministru biex jagħżel l-aqwa kandidat fosthom.
“Il-Venice Commission tat dritt ta’ veto lill-Prim Ministru biex ikun jista’ jirrifjuta dak li jibagħtlu l-Evalutation Committee. Dan lest inċedih għaliex ma nixtieqx niġi f’pożizzjoni li tikkuntrasta mal-Public Service Commission“.
Il-Prim ministru spjega li l-proċċess ma jieqafx hawn għax l-għażla se tmur quddiem il-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubblici li huwa magħmul minn membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.
“Ix-xewqa tal-Prim Ministru mhux se tkun waħda finali imma se timxi quddiem dan il-kumitat u dan se jkun jista’ jagħmel il-grilling. L-Oppożizzjoni se tagħmel id-domandi kollha li jidhrilha li huma xierqa u minn hemmhekk jittieħed vot parlamentari”.
Dr Abela sostna li dan ifisser li l-Oppożizzjoni se jkollha s-sehem tagħha fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid kemm fil-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u kemm fil-Kumitat dwar il-Hatriet Pubbliċi.
Fuq kollox sostna li jifdal l-aħħar aspett, dak tal-irġulija.
“L-aħħar aspett: il-kelma ta’ rġulija li qed nagħti jien lill-poplu Malti u Għawdxi kollu li rrid Kummmissarjutal-Pulizija li jkun serju li jitħalla jagħmel xogħlu b’mod awtonomu u mingħjar indħil”.