Fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela se jwassal messaġġ tal-qraba tal-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-grupp Hamas u ħabbar ukoll li pajjiżna se jerġa’ jilqa’ aktar tfal Palestinjani li ndarbu f’dan il-konflitt.
Il-Prim Ministru qal dan f’kumment mal-midja qabel il-bidu tal-istess summit speċjali, li qed isir fi Brussell.
“Ftit tal-jiem ilu f’Kastilja lqajt il-familjari tal-vittmi jew tal-ostaġġi tal-Ħamas li nqabdu fis-7 t’Ottubru, jiġifieri dawk il-familjari Iżraeliti u kienet xena tal-qsim il-qalb. Jiġifieri li tara familjari jibku quddiemek, ma jafux jekk il-qrabat tagħhom humiex ħajjin, humiex mejtin, għad għadhom it-tama, imma dik it-tama forsi bdiet tintilef u talbuni li nwassal messaġġ fil-Kunsill Ewropew, li beħsiebni nwasslu b’mod ċar illejla, li huma wkoll iridu li jkun hemm il-waqfien mill-ġlied u jridu jerġgħu jħaddnu magħhom lill-għeżież tagħhom. Dak hu messaġġ li se nwassal b’responsabilita llejla. Imbagħad mill-banda l-oħra, rajna wkoll ġewwa xtutna liċ-ċkejkna Selah biex tingħata l-kura medika, din id-darba korriet f’Gaza. Fil-jiem li ġejjin se nospitaw iżjed tfal li se jiġu ġewwa pajjiżna u nagħtuhom l-aqwa kura possibli minħabba l-korrimenti gravi li għaddew minnhom.”
Dr Abela qal li, fl-aġenda tal-mexxejja Ewropej, hemm l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, wara l-attakk tal-Iran fuq Iżrael.
“Il-messaġġ li se nkun qed ngħaddi f’isem pajjiżna llejla, partikolarment fejn tidħol il-kwistjoni tal-Lvant Nofsani, huwa wieħed fejn nikkundannaw bil-qawwa l-attakk li l-Iran fuq Iżrael. Nittamaw li ma jkunx hemm eskalazzjoni min-naħa ta’ Iżrael u t-tieni messaġġ hemmhekk se jkun l-importanza li jkun hemm il-waqfien mill-ġlied. Ilna ħafna nitħaddtu fuq dan il-messaġġ, konna minn tal-ewwel, fejn insistejna l-importanza li jkun hemm il-waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti u dan se jkun l-istess messaġġ li se nerġa’ ngħaddi llejla.”
Is-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell ikompli matul il-ġurnata tal-Ħamis.