Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif pajjiżna se jagħti għajnuna finanzjarja lir-refuġjati Ukreni, li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-gwerra.
Dr Abela ħabbar dan f’messaġġ virtwali waqt is-summit Global Citizen, li qed jittella’ fil-Polonja u fih qed jieħdu sehem diversi mexxejja minn madwar id-dinja.
Dan is-summit sar fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Kanadiż.
Il-Prim Ministru tenna, “On behalf of the Maltese government and people, I am pleased to confirm that we will be pledging financial support for Ukrainian refugees. We will spare no expense to address the humanitarian emergency that is happening before us.”
F’messaġġ li għadda quddiem dawn il-mexxejja, il-Prim Ministru qal kif Malta trid tgħin f’din it-traġedja.
Dr Abela qal kif Malta, flimkien mal-komunità internazzjonali u l-Unjoni Ewropea qed jilqgħu b’idejhom miftuħa lir-refuġjati, li jgħoddu għal madwar għaxar miljuni.
Abela stqarr, “We have not been blind to the urgency and scale of this tragedy and to the impact that has had on internally displaced people and refugees.”
Mindu bdiet il-gwerra madwar xahar u nofs ilu, Malta kienet minn ta’ quddiem fl-għajnuna lejn Ukreni.
Fost l-oħrajn, pajjiżna qed jilqa’ persuni bil-kanċer, fosthom tfal, biex ikomplu bil-kura fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
F’dan is-summit, ġew imwegħda aktar minn disa’ biljun ewro biex jiġu mgħejjuna r-refuġjati Ukreni. Fost dawn hemm biljun ewro mill-Kummissjoni Ewropea.
Minn dawn id-disa’ biljun ewro, kważi żewġ biljuni se jkunu għal dawk l-Ukreni li jinsabu bla saqaf fuq darhom, waqt li iżjed minn seba’ biljun ewro se jmorru għal dawk ir-refuġjati li qed jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Waqt dan is-summit, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet kif din is-solidarjetà mill-pajjiżi, kumpanji u nies madwar id-dinja turi raġġ ta’ dawl f’dan iż-żmien diffiċli.