Waqt l-intervista fuq il-programm XTRA, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, fil-jiem li ġejjin, mal-għoxrin elf metru kwadru ta’ art tal-Gvern li tista’ tiġi żviluppata se tingħata lill-poplu biex isiru spazji miftuħa għat-tgawdija tal-familji.
“Fil-jiem li ġejjin, Saviour, se naqbdu 20,000 metru kwadru minn dawn l-artijiet li qegħdin ġo żona ta’ żvilupp u flok ngħidu ejja joħroġ tender għall-iżvilupp tagħhom. Le, dawk l-artijiet jingħataw lill-poplu tagħna, isiru spazji ħodor u miftuħa u fejn seta’ jsir żvilupp f’dik li hi proprjetà tal-Gvern, ngħidu dawk jibqgħu ODZ, jibqgħu għat-tgawdija tal-poplu tagħna, jibqgħu proġetti ħodor u ambjentali.”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
F’din l-intervista, Dr Abela ġie mistoqsi dwar il-fatt li Josianne Cutajar mhux se terġa’ tikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.
B’mod ċar il-Prim Ministru sostna li konvint, anke minn diskussjonijiet li kellu magħha, li hi se tibqa’ għaddejja bil-ħidma sfieqa fil-Partit Laburista u sostna li jrid jaraha tagħmel kontribut ukoll fuq livell nazzjonali.
“Ħa nsemmi persuna oħra Għawdxija, Justyne Caruana, pereżempju, mhijiex persuna li x-xenarju politiku Malti tilifha. Issa tgħidli kienet perfetta f’ħidmietha, min kien perfett f’dan il-pajjiż, jien l-ewwel wieħed, kelli ħafna imperfezzjonijiet. Kien għad hemm persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fuq quddiem nett, mill-Kap tal-Oppożizzjoni, minn Adrian Delia u oħrajn, li huma frontline fil-Partit Nazzjonalista, forsi kellhom imperfezzjonijiet ħafna aktar minn Justyne Caruana, imma lil dik il-persuna l-establishment Nazzjonalista għażel li jbiċċirha biex jiddefendi persuni oħrajn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna wkoll dwar il-kompetenza u anke esperjenza fil-grupp ta’ kandidati Laburisti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u mhux l-istess jista’ jingħad għall-kandidati Nazzjonalisti.
“Forsi hemm esperjenza f’ħafna oġġetti ħżiena min-naħa tal-kandidatura tal-Partit Nazzjonalista. Meta ngħidlek hekk, David Casa għal xi raġuni jew oħra jiġini f’moħħi bħala l-ewwel isem li ngħid li ċertament mhux l-esperjenza li rrid nara fil-grupp Parlamentari Ewropew għal dawk li qed jimmilitaw f’isem il-Partit Laburista. Però se jkollna lineup minn setturi differenti, nies b’ħiliet u kompetenzi differenti, li fuq kollox għandhom kwalità komuni, differenti minn dik tal-Partit Nazzjonalista, li jħobbu lil pajjiżhom, li lesti li jiddefendu lil pajjiżhom kontra kull attakk u li ċertament meta jiġu affrontati b’sitwazzjonijiet identiċi bejn pajjiżi differenti ma jagħżlux li jkasbru isem pajjiżhom u jiddefendu pajjiżi oħrajn għal għanijiet politiċi tal-familja politika tagħhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela