Il-Gvern se jkun qed jirdoppja l-investiment immedjat favur is-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl f’pajjiżna.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali tal-MCESD li saret fil-Berġa ta’ Kastilja l-Ġimgħa.
Il-Prim Ministru hawnhekk aċċenna għall-investiment ta’ €15-il miljun kull sena għal sitt snin, b’total ta’ €90 miljun. B’dan l-investiment aċċellerat imħabbar waqt din l-istess laqgħa, is-sena d-dieħla, dan l-investiment se jkun qed jirdoppja, biex b’hekk l-investiment fit-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-elettriku, se jkun ta’ €30 miljun.
Stqarr, “L-impenn issa huwa li dak li jista’ jsir qabel minn dan l-investiment, se jkun qiegħed isir qabel. Fl-immedjat għalhekk se naraw li nirduppjaw dak l-investiment u għalhekk is-sena d-dieħla se jkollna investiment li mill-€15-il miljun allokati se jkun qiegħed jitla’ għal €30 miljun. Hemmhekk irridu naraw li mhux biss nallokaw dawn il-fondi addizzjonali, id-doppju ta’ dak oriġinarjament allokat, imma li naraw li dawk il-fondi jiġu assorbiti minn xogħlijiet li jridu jsiru u li x-xogħlijiet li hemm iddedikati dan il-fondi, attwalment, isiru.”
Hawnhekk Dr Abela fi ħdan il-laqgħa tal-MCESD qal li b’dan l-investiment se jsiru aktar xogħlijiet ta’ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u anki tisħiħ f’dawk li diġà jeżistu. Dan filwaqt li se jinbnew għexieren ta’ substations, waqt li se jissaħħu wkoll il-cables ta’ taħt l-art.
Fl-aħħar ġimgħat, ma’ dawn il-fondi ngħaqdu €70 miljun oħra li ġejjin mill-pjan tal-Unjoni Ewropea, tar-REPowerEU.
Il-Prim Ministru qal li l-għan ta’ dan l-investiment huwa li jonqos iċ-ċans li jinqata’ d-dawl, jekk is-sena d-dieħla jew fis-snin ta’ wara, partikolarment fix-xhur sajfin, ikunu jiddominaw temperaturi għolja.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li qabbad lill-Kap taċ-Ċivil, Tony Sultana biex ifassal protokoll għal meta l-pajjiż jaffaċċja pressjonijiet ta’ effetti klimatiċi bħal dawk li laqtuna fl-aħħar jiem. Qal kif dan il-protokoll se jistabilixxi b’mod iktar ċar mekkaniżmi li jilqa’ għalihom il-pajjiż b’mod aktar effettiv.
Dr Abela semma azzjonijiet konkreti li jilqgħu għat-tibdil fil-klima, fosthom investiment ta’ enerġija rinnovabbli fuq binjiet bi żminijiet iqsar biex dawn isiru, investiment b’saħħtu fil-grid elettriku li jkun lest jilqa’ fih anki l-enerġija rinnovabbli u anki pjanijiet ta’ sostenn għal min jagħmel xogħlijiet biex iżid l-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija.
Dan tal-aħħar ikun jgħodd għall-binjiet pubbliċi iżda anki privati bħal skejjel u uffiċini.
Qal, “L-aspirazzjonijiet li għandna llum bħala pajjiż, l-aspirazzjonijiet li għandu l-poplu b’mod ġenerali f’dan il-pajjiż, mhux l-istess aspirazzjonijiet li kellna snin ilu, mhux l-istess aspirazzjonijiet, nazzarda ngħid, sa qabel il-pandemija. Il-ħtiġijiet, ir-realtajiet u l-aspirazzjonijiet huma differenti u daqs kif il-bidla fil-klima aċċellerat ruħha, il-bidla fl-aspirazzjonijiet tal-poplu aċċellerat ruħha u llum nifhem li għandna poplu li qed iħares lejn kwalità tal-ħajja li hija aktar ħolistika, li tmur lil hinn mill-aspett finanzjarju biss u nemmen ukoll li dan il-fenominu aċċellera ruħu aktar wara l-pandemija, u għal dak bħala Gvern irridu nwieġbu billi b’mod aċċellerat nuru li lesti naħdmu differenti.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll li se titwaqqaf Awtorità ffukata kontra t-tibdil fil-klima.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli qalet li fix-xhur li ġejjin se jittressaq Abbozz fil-Parlament għat-twaqqif ta’ Awtorità li l-għan prinċipali tagħha se jkun li jsir moniteraġġ ċentrali tal-impatt tal-attivitajiet differenti fuq it-tibdil fil-klima filwaqt li tiġbor flimkien l-azzjonijiet konkreti li l-pajjiż hemm bżonn jieħu.
Preżenti għal din il-laqgħa mal-imsieħba soċjali kien hemm tekniċi u fost l-ogħla uffiċjali tal-Enemalta.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.