Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li meta se tinbena dar għal persuni bl-ALS, il-Gvern se jkun qed ikopri l-ispejjes tas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn.
Dan ħabbru permezz ta’ telefonata live waqt il-programm televiżiv Xarabank, li matulu lbieraħ filgħaxija nġabret is-somma ta’ €900,441 b’risq ALS Malta.
Il-programm Xarabank li kien iddedikat għall-ġbir ta’ fondi għal din il-kundizzjoni. Bjorn Formosa, li tant jisħaq biex joħloq kuxjenza għal din il-marda rari, kien preżenti, għalkemm bi tbatija, flimkien ma’ martu Maria.
Il-fondi se jintużaw biex Bjorn iwettaq ħolmtu, ċioe li tinbena dar li fiha nies bl-ALS jgħixu ħajja aktar komda. Fost oħrajn ikun fiha t-teknoloġija meħtieħa, bħal appliances, bibien u kompjuters li tħaddimhom b’għajnejk.