Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif aktar tard dan ix-xahar se jinħareġ it-tender biex id-dar tal-anzjani f’Bormla tinbena mill-ġdid.
Dan ħabbru waqt attività politika l-Ħadd filgħodu, f’Bormla stess fejn fakkar fil-gideb tal-Oppożizzjoni b’rabta ma’ dan il-proġett.
“U x’qalu l-populisti dakinhar, għamlu kampanja jgħidu illi minflok dar tal-anzjani l-Gvern ried jibni lukanda. Tiftakruha, li qalulna se twaqqaw id-dar tal-anzjani, se toħorġu l-anzjani minnha u imbagħad tidħku bin-nies u tibnu lukanda. Gidba u gidba sfaċċata kienet dik. Tat kemm hi gibda dik illi dax-xahar se joħroġ it-tender biex dik id-dar tal-anzjani tinbena mill-ġdid.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Fl-istess diskors, il-Prim Ministru tkellem dwar għadd ta’ kisbiet li komplew iwettqu dak propost fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Fost dawn kien hemm id-diskussjoni fil-Parlament dwar it-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, li se tkun qed iddawwar din l-isfida internazzjonali f’opportunità permezz ta’ bidliet importanti u kuraġġużi.
Dr Abela ta eżempju ta’ dak li għamel il-Kabinett quddiem il-pakkett ta’ mobbiltà tal-Unjoni Ewropea li għalkemm għandu għanijiet ambjentali, kien se jħalli effetti negattivi.
“X’għamilna? Bħala Kabinett ħadna deċiżjoni li konna se nikkontestaw numru ta’ klawżoli minn dak il-‘Mobility Package’ u hekk għamilna u ħadna l-Unjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ewropea u huwa dak it-tip ta’ messaġġ li jiena rrid nara mill-ewroparlamentari tagħna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
F’Bormla, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-bilanċ bejn il-prospetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna fejn innota t-twettiq tal-ewwel wegħda tal-manifest elettorali.
“Però konna nafu ċar x’kienet l-ewwel wegħda li niedejna fil-manifest elettorali. Għalhekk id-deċiżjoni kienet li nagħżlu erba’ artijiet tal-Gvern li jinsabu f’żona ta’ żvilupp, li jiġifieri jistgħu jinbnew, u minfkolhom nagħmlu spazji ħodor u miftuħa biex fihom il-poplu tagħna jkun jista’ jgawdi u jirrilassa ruħu.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dan filwaqt li ta serħan il-moħħ, li dawn il-proġetti mhux se jkunu qegħdin ixekklu proġetti soċjali oħra li pajjiżna jkun jeħtieġ fil-ġejjieni.
Dr Abela nnota wkoll kif ix-xogħol miexi b’rabta mal-art f’Bormla fejn kien se jinbena d-dormitorju tal-Università Amerikana ta’ Malta, li minflok se tingħata lill-pubbliku biex ikollu post ieħor fejn igawdi ħin ta’ kwalità.